Immaġinak tqum filgħodu, tiftaħ għajnejk u ma tibdiex tara minn għajn waħda.
Din kienet ir-realtà li kellu jaffaċċja Alan Azzopardi. Qatt ma stenna li dik li ħaseb li kienet biss infezzjoni normali kienet tfisser sitt snin ta’ agunija.
Dieħel u ħiereġ mill-isptar mhux biss biex jiġi determinat x’qed iwassal biex ma kull siegħa li tgħaddi jitlef dejjem iżjed id-dawl t’għajnejh iżda anke biex tonqos l-infjammazzjoni biex ikun jistà jingħata kornea ġdida.
Wara sena li Alan iddeskriva bħala diffiċli ħafna – dan hekk kif kontra dak li nisimgħu s-soltu beda jitlob li t-tobba jgħidulu li għandu xi ħaġa biex jibda t-triq tal-fejqan – ġie determinat li kellu virus msejjaħ HERPES SIMPLEX.Alan qal li “Wara rriżulta li kelli herpes simplex – huwa virus bħalma jitlalek fix-xuftejn imma attakkatli għajnejja. Jista jkun ħadtu minn xi xmara li kont fiha barra jista jkun minn hafna affarijiet, huwa virus komuni imma ħafna drabi jattakka x-xoffa mhux l-għajnejn.”
Virus li wassal biex isem Alan jitniżżel fuq il-lista ta’ persuni li għandhom bżonn donazzjoni tal-organi.
Lista li kien imniżżel fuqha għal darbtejn, dan hekk kif meta ngħata l-ewwel kornea, Alan qabditu dik li tissejjaħ fungal infection fil-kornea li ngħata – xi ħaġa deskritta bħala mhux komuni mit-tobba.
B’dan wassal biex Alan, għat-tieni darba, kellu jistenna biex jingħata kornea oħra.
Alan qal li “L-għajnejn anke sempliċiment tidħollok fraka jew xagħrha ukoll iġġennek issa immaġina jkollok għajnejk inflamed kuljum. Fil-verita tkun qed tistenna b’ħeġġa kbira li tieħu kornea pero hija vera ħaġa ta’ uġigħ li inti filgħaxija torqod u qed tistenna lil xi ħadd imut biex inti tieħu l-organu.”
Bir-riżoluzzjoni ta’ Alan għas-sena l-ġidi hija li jirnexxielu jiġbor il-firma ta’ ħames mitt persuna biex isiru donaturi tal-organi.
Spjega li “Ħafna nies jassoċjaw bħal wirt – tgħid għadni żgħir u issa la nikber nilħaq niffirma – le dan mhux wirt inti ma tagħmlux meta tkun żgħir għax ma jkollok xejn tkun għadek qed tibni l-futur tiegħek – imma inti din meta tagħlaq 16 diġà għandek ħafna ta’ valur – għandek l-organi ta’ valur kbir li bihom tistà tferraħ lil ħaddieħor.”
Alan, li huwa pittur, uża t-tpenġija biex ifakkar lill-mużiċist li grazzi għal kornea tiegħu llum qed jara minn għajnejh il-leminija. Iżda għalih u għal mara li tatu l-ewwel kornea kellu messaġġ.
Alan spjegalna li “Ovjament nirringrazzjahom pero għalkemm m’għadhomx magħna, still narahom fil-mera kuljum ma nistà qatt nieqaf milli ngħidilhom grazzi kull filgħodu rrid nħares lejn il-mera għalhekk dejjem ngħid kemm hi ħaġa sabiħa li tkun donor għax it-thank you se tibqà teħodha anke wara mewtek.”