Il-kumpanija Microsoft qed tiċċelebra 20 sena f’pajjiżna.
Waqt li kien qed jindirizza konferenza marbuta ma’ din l-okkażjoni, il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri qal li s-suċċess ta’ din il-kumpanija f’pajjiżna jmur id f’id mas-suċċessi li qiegħed jikseb pajjiżna fil-qasam tat-teknoloġija innovattiva.
Il-Ministru Schembri semma l-passi ta’ ġgant li għamel pajjiżna f’dan il-qasam.
Aċċenna wkoll għad-Digital Futures Index li sar mill-Microsoft madwar l-Ewropa.
Dan l-indiċi sab li Malta qiegħda fl-istess post ma’ pajjiżi bħall-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka u l-Olanda f’dak li għandu x’jaqsam ma’ konnettività u investiment fir-riċerka u żvilupp.
Pajjiżna kiseb l-għola riżultat, 96%, fuq servizzi ta’ eGovernment, skont studju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, fejn Malta qabżet lill-pajjiżi akbar minnha bħall-Estonja, l-Olanda, l-Finlandja, id-Danimarka, Norveġja, Spanja u l-Portugal, fost oħrajn.
Il-Ministru Schembri semma wkoll l-importanza tal-Intelliġenza Artifiċjali, li hija realtà li qiegħda magħna aktar milli naħsbu.
Huwa semma kif dawn l-isfidi, ġew mifhuma u indirizzati, hekk kif fl-2019 tnediet l-istrateġija tagħna għall-AI.
Qal, “Biex inkomplu nirnexxu f’dan il-qasam irridu nibqgħu ninvestu fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni. Irridu nkomplu nattiraw u nikkoperaw mal-industrija biex inkomplu noħolqu aktar opportunitajiet f’dawn is-setturi li huma l-futur.”