L-Awtorità tal-Ippjanar ikkonfermat li, kuntrarju għall-għajdut li beda jdur fil-midja soċjali fil-jiem li għaddew, l-għoli tal-bini fi Triq Bormla, Raħal Ġdid, se jibqa’ ta’ żewġ sulari.
Fuq il-midja soċjali, l-Awtorità spjegat li f’Jannar li għadda l-Kummissoni tal-Ippjanar tat mill-ġdid permess biex jiġu żviluppati 17-il aġġartament b’kamra waħda f’Raħal Ġdid. Fl-2007, fuq l-istess sit, l-Awtorità kienet tat il-permess għall-istess żvilupp propost, ħlief għal ċint għoli metru. Dan il-permess iġġedded fl-2016.
L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-Iżvilupp approvat imiss ma’ żewġ toroq: Triq Bormla u Triq il-Qalb ta’ Ġesù. Bejn iż-żewġ toroq hemm differenza ta’ għoli ta’ madwar sular. Għamlitha ċara li I-massa tal-proġett approvat hija ffukata fuq Triq il-Qalb ta’ Ġesù u mhux fuq Triq Bormla, kif qed jiġi rrappurtat skorrettament.
L-Awtorità ppreċiżat li l-iżvilupp li jagħti fuq Triq Bormla, li hija kkaratterizzata minn djar ta’ żewġ sulari u li taqa’ fiż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana, se jkun limitat għal sular imdaħħal ’il ġewwa, kif huwa permissibbli fiż-Żoni ta’ Konservazzoni Urbani kollha. Fil-fatt, il-pjanijiet approvati jinkludi ż-żamma u r-restawr tal-faċċata eżistenti.
L-Awtorità qalet li l-biċċa l-kbira tal-appartamenti b’kamra waħda se jagħtu għal fuq Triq il-Qalb ta’ Ġesù, li taqa’ barra miż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana u li hija kkaratterizzata minn binjiet ta’ għoli differenti. L-Awtorità spjegat li approvat l-iżvilupp għax is-sit jaqa’ f’Żona ta’ prijorità għall-Istudenti minħabba li huwa qrib l-MCAST.