L-Imħallef Toni Abela ċaħad it-talba li għamel il-Partit Nazzjonalista biex jingħata kopja tal-inkjesta tal-Vitals. Dan waqt seduta oħra fil-kawża, li fetaħ il-Partit Nazzjonalista kontra l-Avukat tal-Istat dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Fil-bidu ta’ din is-seduta, sar magħruf li l-PN daħħal rikors fl-14 ta’ Mejju biex jingħata kopja tal-proċess verbal miill-Inkjesta Vitals, li tmexxiet mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Dan wara li l-eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat, f’sentenza separata mill-Imħallef Giovanni Grixti, ingħata l-partijiet mill-inkjesta li jikkonċernaw lilu u wara l-Qorti saħansitra ordnat li jingħata l-proċess verbal tal-inkjesta dwar l-isptarijiet.
Fid-digriet tiegħu, l-Imħallef Toni Abela sostna kif din it-talba m’għandha l-ebda relevanza hekk kif il-Qorti ma toqgħodx fuq dikjarazzjonijiet li jagħmlu terzi mill-midja sakemm ma jkunux dikjarazzjonijiet uffiċjali li tobbliga l-liġi.
L-Imħallef sostna wkoll li l-Qorti ma tistax tifhem kif partijiet mill-inkjesta spiċċaw imperrċin fil-midja u għadu ma nstabx min żvela din l-informazzjoni sensittiva tal-Inkjesta Vitals.
L-Imħallef irrimarka kif tista’ tkun biss il-Qorti Kriminali li tiddeċiedi jekk l-inkjesta maġisterjali msemmija għandiex tintuża fi proċeduri separati oħrajn.
Sadanittant, qabel ngħata d-digriet mill-Imħallef, l-Avukat tal-Istat oġġezzjona għal din it-talba hekk kif sostna li din il-kawża m’għandha x’taqsam xejn mal-kawża li fih ġiet ippubblikata l-inkjesta Vitals. Dan hekk kif din il-kawża tikkonċerna l-funzjonijiet tal-Avukat tal-Istat.
Preżenti fl-awla mal-Ministru Jonathan Attard, il-Prim Ministru Robert Abela għamilha ċara li hu talab minnufih biex il-proċess verbal jiġi ppubblikat.
Hawn ingħaqad miegħu wkoll l-Avukat f’isem il-Kabinett tal-Ministri, Dr Ian Borg, li sostna kif it-talba għal kopja tal-inkjesta hi relevanti biex turi kemm fil-verità dan il-każ hu bla ebda bażi.
F’kummenti lill-midja, il-Ministru għall-Ġustizzja tenna li l-Gvern ilu xhur jieħu l-miżuri neċessarji biex jissalvagwardja l-interessi ta’ pajjiżna.
Jonathan Attard aċċena wkoll għar-rimarka, li għamel l-Imħallef Abela fid-digriet tiegħu, fejn saħaq li mhux aċċċettabli li jkun hemm leakages ta’ proċeduri u dokumentazzjoni, hekk kif dawn jistgħu jippreġudikaw il-perkors tal-ġustizzja.