F’deċiżjoni li fiha l-Imħallef Silvio Meli għamel numru ta’ kunsiderazzjonijiet dwar il-ġejjieni tal-Air Malta, il-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-kumpanija għall-mandat ta’ inibizzjoni fil-konfront tal-Assoċjazzjoni tal-Piloti, l-Alpa.
L-Air Malta talbet dan il-mandat għax strike ifisser nofs miljun ewro kuljum u għalhekk dan ikun riskju kbir għall-ġejjieni tal-kumpanija. Tul is-smigħ l-Alpa qalet li ma kinetx se tieħu tali azzjoni, filwaqt li fis-sentenza l-qorti nnotat kif it-talba tal-Air Malta ma tissodisfax ir-raġunijiet għall-mandat skont il-liġi.
Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Meli għamel numru ta’ kunsiderazzjonijiet. Qal li minkejja t-titjieb sostanzjali li kien hemm fl-aħħar ftit snin fil-qagħda tal-kumpanija xorta waħda għadha fi stat prekarju.
Bil-Qorti tgħid li l-uniku mod li l-kumpanija tista’ tibqa’ operattiva hu jekk issib sieħeb strateġiku li jissollevha mis-sitwazzjoni preżenti.
Il-Qorti qalet li bil-għan li l-partijiet jaġixxu bil-għaqal għall-ġid komuni il- partijiet m’għandomx jistrieħu biss fuq il-virtujiet kardinali tal-prudenza u tal-fortitudini li s’issa jidhru li qed jemfasizzaw. “Iżda jekk verament iridu tassew jaġixxu għal dan il-ġid komuni, ghandhom jaġixxu wkoll b’temperanza u b’ġustizzja,” qalet il-Qorti.