Il-Qorti Norveġiża ċaħdet it-talba ta’ Anders Behring Breivik għall-parole, għaxar snin wara li qatel sebgħa u sebgħin persuna fin-Norveġja.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li hemm riskju ċar li r-raġel b’ideoloġija estremista jirritorna għall-istess imġiba u attitudni li wassluh biex iwettaq l-attakki terroristiċi tat-tnejn u għoxrin ta’ Lulju tal-elfejn u ħdax.
Din id-deċiżjoni kienet mistennija, fid-dawl li Breivik qatt ma wera rimors wara li wettaq l-aktar attakk imdemmi li qatt sar fin-Norveġja fl-istorja riċenti.
Ftit aktar minn għaxar snin ilu, Breivik sploda bomba ħdejn il-kwartieri tal-Gvern f’Oslo li qatlet tmien persuni.
Imbagħad qatel disgħa u sittin persuna oħra, il-maġġoranza żgħażagħ, meta mar jispara f’kamp taż-żgħażagħ tas-sajf fil-gżira ta’ Utoya.
Sena wara l-attakki, ir-raġel ta’ tnejn u erbgħin sena kien ikkundannat għal wieħed u għoxrin sena ħabs, li hija s-sentenza massima li tista’ tiġi estiża sakemm jibqa’ ta’ theddida għas-soċjetà.