Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ priġunier marid bil-kliewi.
Saħansitra, il-konsulent mediku tiegħu ikkonferma li jekk kien hemm diffikultajiet dawn ma kienux riżultat tal-fatt li Bartolo jinsab residenti Kordin. Fi kliem l-ispeċjalista Joseph Farrugia, li jikkura lil Bartolo “dil-kilwa mill-bidu kienet naqra zoppa.”
Fil-fatt l-ispeċjalista qal li ġisem Bartolo kien diġa’ qed jifforma hekk imsejjħa ‘anti bodies’ kontra din il-kilwa.
Qal ukoll li għalkemm kien hemm mumenti fejn inqabżulu l-mediċini mhux il-kawża li kien hemm dik magħrufa bħala ‘rejection’ tal-kilwa.
Kien spjegat kif Bartolo qed jittieħed tliet darbiet fil-ġimgħa għad-dialysis Mater Dei, filwaqt li jingħata l-kura psikoloġika kif hemm bżonn.
Fis-sentenza tagħhom l-Imħallfin qalu li għalkemm irriżulta li seta’ kien hemm perjodu qasir ta’ adattament mill-awtoritajiet tal-ħabs illum dawn aġġustaw ruħhom għal kollox. Filwaqt li kien innotat kif Bartolo jaħdem fl-istores tal-ħabs u għalhekk meta wieħed iqis dan u li tliet darbiet fil-ġimgħa jmur Mater Dei żgur ma jistax jgħid li jgħaddi l-ħin kollu tiegħu f’ċella.
B’hekk kien iddikjarat li ma kellux bażi li jrid joħroġ mill-ħabs minħabba raġunijiet mediċi. Il-Qorti qalet ukoll li lanqas hu sostenibbli l-argument tal-preżunzjoni tal-innoċenza ġaladarba r-rikorrent ammetta l-akkużi kontra tiegħu u l-appell huwa limitat għal piena.
Fuq kollox filwaqt li ċaħdet it-talba għall-ħelsien, il-Qorti nnotat kif l-akkużat hu lest jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni fi ħdan il-CARITAS u għalhekk jekk ikun aċċettat għandu jingħata dan iċ-ċans.