Il-Qorti ċaħdet talba oħra għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech.
Fl-għoti tad-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Giovanni Grixti qal li l-biża’ li Fenech jaħrab mill-pajjiż hija reali u ma tistax tiġi injorata.
Matul il-jum spikkaw attakki fuq l-integrità tal-Imħallef Giovanni Grixti li kellu jagħti d-deċiżjoni tiegħu dwar il-ħelsien mill-arrest.
L-attakk kien immuntat minn Manuel Delia, Simon Busuttil u Jason Azzopardi, b’tal-aħħar kienet tħallsitlu kamra lussuża fl-Iżrael mill-grupp ta’ Yorgen Fenech, beda jsemmi rabtiet li kellu ħaddieħor ma’ ta’ Fenech.
L-Erbgħa Yorgen Fenech tpoġġa taħt kap t’akkuża li jfisser li se jkun qed jgħaddi ġuri fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Prosekuzzjoni qed titlob għal sentenza t’għomor il-ħabs fuq l-allegat involviment tiegħu fl-assassinju ta’ Caruana Galizia.
Il-Prosekuzzjoni qed titlob ukoll sentenza ta’ bejn għoxrin u tletin sena ħabs għall-akkużi li se tixlih bihom b’rabta m’assoċjazzjoni kriminali.
B’dan l-iżvilupp ingħalqet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Fenech iżda skont il-liġi, il-kumpilazzjoni tista’ terġa’ tiftaħ jekk tiġi ppreżentata evidenza ġdida.
L-Erbgħa wkoll xehed id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia xehed li minn fuq id-dark web, Yorgen Fenech xtara grenades magħrufa bħala bombi tal-idejn, machine guns li jisparaw il-velenu, pistoli u mat-tmien mitt balla fost oħrajn.
Fil-Qorti ntqal li s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia xtara dawn l-armi kollha sena wara l-mewt ta’ Caruana Galizia.
Dr Galea Farrugia xehed li Fenech ħallas għal dawn l-armi bil-Bitcoin.
Intqal li mal-pistoli xtara silencers u anki ssemmiet email li turi li Fenech kien assigurat li l-għoxrin gramma ta’ kimika tossika li ordna kienet telqet minn fein ordnaha biex tasal għand ix-xerrej.