Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, baqa’ jinżamm arrestat, bil-Qorti tordna wkoll biex il-Pulizija tibqa’ ssejjaħ għax-xhieda sas-seduta li jmiss.
Il-Ħamis, hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ, Frederick Sammut, uffiċjal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kien fuq il-post dakinhar tal-isplużjoni, xehed li malli waslu hu u l-kollegi tiegħu, lemaħ id umana fuq in-naħa tal-passiġġier tal-karozza, u figura ta’ bniedem maħkum min-nirien, li kienet maqbuda fil-karozza. Hu qal li dak il-ħin, ma seta’ jagħmel xejn. Kollega tiegħu, Harry Eddleston, iddeskriva wkoll li waqt aktar tfittxijiet fl-inħawi, instabet sieq umana mal-art.
Xehed ukoll Arthur Galea, pumpier stazzjonat fix-Xemxija. Hawn qal kif malli hu u l-kollegi tiegħu waslu l-Bidnija, lemħu karozza f’għalqa li nħakmet min-nirien, u wara li tfewha, indunaw li kien hemm persuna maqbuda ġewwa.
Galea xehed ukoll li sa tlett ijiem wara l-isplużjoni, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ntalab jgħin lill-Armata Maltija tiġbor xi partijiet ta’ ġisem uman minn siġra fl-inħawi.
Koppja Mostija, li nzertat tgħix fl-inħawi, semmiet ukoll karozza bajda li kienet ipparkjata fit-triq tagħhom dakinhar tal-isplużjoni. L-istess karozza ġieli kienet intlemħet fl-inħawi sa xhur qabel il-qtil, iżda ma reġgħetx intlemħet wara li Caruana Galizia nqatlet. Il-karozza, li kienet tal-kiri, allegatament kienet tat-tliet irġiel li bħalissa qed jaffaċċjaw akkużi li kienu huma li qatlu lil Caruana Galizia.