Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon ċaħad kategorikament storja ppubblikata t-Tlieta fuq il-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista.
L-artiklu rrapporta kif il-pazjenti fl-Isptar Mater Dei qed jintalbu jieħdu l-pożati magħhom mid-dar, wara li skonthom, il-Gvern iddeċieda li b’effett immedjat ma jagħtix aktar pożati tal-plastik mal-ikel lill-pazjenti.
Iżda filmati u ritratti li ġibed ONE News fl-istess jum li l-ġurnal ħareġ b’din l-istorja giddieba, juru mod ieħor.
Is-Sur Falzon fakkar li din il-miżura ambjentali ttieħdet biss fil-konfront tal-impjegati ta’ Mater Dei, li se twassal biex jiġi eliminat l-użu ta’ madwar żewġ miljun pożata tal-plastik fis-sena – hekk kif il-ħaddiema kienu jużaw bejniethom – kuljum – mal-ħamest elef pożata tal-plastik.
“Nikkonferma li sa issa l-Isptar Mater Dei elimina l-użu tal-pożati tal-plastik għall-ħaddiema biss u minflokhom tajnihom pakkett b’pożati tal-istainless steel, imma nikkonferma li llum u sal-futur li nista’ nara, l-ikel tal-pazjenti se jibqa’ jasal b’pożati tal-plastik li huma disposable.”
Minkejja li skont l-artiklu tan-Nazzjon, il-Gvern neħħa l-pożati tal-plastik biex jiffranka l-flus, is-Sur Falzon irrimarka li l-pożati tal-istainless steel jiswew ħafna iktar, iżda l-għan tal-amministrazzjoni tal-isptar m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dan.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei qal li għalkemm sal-lum il-pazjenti għadhom qed jingħataw pożati mal-ikel, għaddejjin diskussjonijiet dwar il-possibilità ta’ użu ta’ materjali oħra li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent.
“Se nkomplu naħdmu biex innaqqsu l-użu tad-disposable plastics li llum hemm direttiva tal-Unjoni Ewropea li l-pajjiżi jnaqqsu l-użu tal-plastik u d-dipendenza fuq is-single use disposables imma again niċħad l-artiklu li huwa bla bażi li jgħid li l-pazjenti mhux qed jingħataw pożati tal-plastik.”
Dawn ir-ritratti huma kollha meħudin illum: