Talba oħra għal-inkjesta maġisterjali minn Jason Azzopardi, din id-darba fil-konfront tal-Ministru Silvio Schembri, ma ġietx milqugħha.
Dan f’digriet mill-Maġistrat Inkwirenti Antoine Agius Bonnici fl-atti tal-inkjesta dwar ir-rikors urġenti li kien fetaħ l-Avukat tal-għaqda Repubblika nnifsu fl-aħħar jiem tas-sena li għaddiet.
It-talba għal inkjesta li daħħal Jason Azzopardi u li llum ħareġ li ma ntlaqgħetx hija waħda minn sensiela, fosthom talba oħra għal inkjesta fil-konfront tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella u li wkoll fl-aħħar ġimgħat ma ntlaqatx mill-Qorti.
Fid-digriet tiegħu il-Maġistrat Inkwirenti nnota kif Jason Azzopardi “ippreżenta rikors ġuramentat fejn iddikjara elenku ta’ fatti magħrufa minnu” imma “Immedjatament wara beda billi jiddikara dak li huwa ra u qara fuq pjattaformi online u jiċċita sittax-il artiklu tal-aħbarijiet ta’ Malta.”
Fost dawn l-artikli kien hemm dawk ippubblikati minn ‘The Shift News,’ ‘Newsbook’ u the ‘Times of Malta’ bejn l-2022 u l-2024.
Fil-fatt, kien hawn stess li l-Maġistrat nnota kif f’din is-sitwazzjoni, id-denunzjant, jiġifieri Jason Azzopardi, qal li jaf bil-fatti hu stess meta eżatt wara beda jikkwota artikli tal-ġurnali.
Meta mbagħad il-Maġistrat qara l-artikli kkwotati minn Jason Azzopardi fir-rikors ġuramentat li għamel, wasal għall-konklużjoni li dawn l-artikli fuq news portals m’għandhom il-forma ta’ denunzja li titlob il-liġi.
Fi tmiem id-digriet tiegħu fejn fih ċaħad it-talba għal-inkjesta maġisterjali fil-konfront tal-Ministru Silvio Schembri, il-Maġistrat temm jgħid ukoll li “ma hijiex prassi tajba illi investigazzjoni tieħu forma ta’ diskussjoni pubblika.” Dan wara li l-istess Ministru nnota kif Jason Azzopardi żvela fil-midja li ressaq rikors għal ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali fil-konfront tiegħu.
Din hija t-tieni talba għal inkjesta maġisterjali li għamel riċentament Jason Azzopardi li ma ntlaqgħetx. L-abbuż sfaċċat ta’ din l-għodda tal-ġustizzja biex tħammeġ persuni innoċenti minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista, kien wieħed mir-raġunijiet ewlenin għaliex il-Gvern ħabbar ir-riforma fil-proċess tal-inkjesti maġisterjali.
Riforma li l-Partit Nazzjonalista ħareġ kontriha bis-saħħa.
Fil-fatt, ir-riforma tindirizza dan l-abbuż li kompla joħroġ ċar fid-digriet b’rabta mat-talba għal inkjesta maġisterjali fil-konfront tal-Ministru Silvio Schembri. Digriet li jinnota l-grad ta’ prova li għandu jitressaq fil-konfront tal-persuna suġġetta għal investigazzjoni, u li r-riforma introdotta mill-Gvern se tkun qed tara li tinkorporahom f’liġi.
Aqra aktar: