Il-Ministru għall-Edukazzjoni l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ċaħad b’mod kategoriku dak li qed jallegaw il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Rebekah Borg u Justin Schembri.
Il-Ministru emfasizza li qatt ma żgwida l-Parlament, kontra dak li qed jallegaw il-Kelliema tal-Oppożizzjoni. I
Fi stqarrija mill-Ministeru intqal li l-allegazzjonijiet bla bażi tal-Kelliema tal-Oppożizzjoni se jkomplu jiġu esposti anki għaliex huma intenzjonati biss biex ifixklu l-ħidma li qed issir fis-settur tal-Edukazzjoni Ogħla u Avvanzata.
Intqal kif fl-allegazzjonijiet tagħhom, fost oħrajn, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni qed jipprovaw idaħħlu dubju li r-rapport ta’ awditjar ma sarx, meta dan mhux biss sar imma huwa wkoll pubbliku. L-allegazzjonijiet inveritiera u malafamanti tal-Kelliema tal-Oppożizzjoni jmorru b’mod intenzjonat kontra dak li huwa is-sewwa magħruf kif ukoll fatti li huma pubbliċi.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Ministru mhux se jħalli lil min jippolitiċizza u jtappan b’gideb u allegazzjonijiet foloz għal skopijiet purament partiġġjani, ix-xogħol kbir li qed tagħmel l-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla. Il-Ministru tenna li għandu fiduċja assoluta fl-MFHEA u kull informazzjoni pprovduta minnhom.