L-Imħallef Mark Simiana ma sab ebda bażi għall-kawża Kostituzzjonali li fetħu Keith Schembri u Konrad Mizzi, fost oħrajn. Dan b’rabta mal-ordni ta’ ffriżar u sekwestru imposti fuqhom hekk kif allegaw ksur fid-drittjijiet tagħhom, fosthom dik tal-equality of arms.
Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Simiana spjega li ma ġiex ipprovat li l-akkużati sofrew jew se jsofru minn ksur tad-drittijiet tagħhom.
Filwaqt li l-Imħallef ċaħad l-argument tad-Difiża hu sostna li talba għall-varjazzjoni tal-ammonti tista’ ssir fi kwalunkwe stadju.
Minbarra Schembri u Mizzi f’din il-kawża kien hemm ukoll Karl Cini, Brian Tonna, David Meli, Mario Victor Gatt, Clarence John Conger Thompson u l-kumpaniji li jirrappreżentaw.
Sadanittant hu mifhum li l-imputati fil-kawża tal-Vitals mistennija jappellaw minn din id-deċiżjoni.