Il-gvern ċaħad allegazzjonijiet mill-gazzetta MaltaToday li d-dħul mil-mina ta’ bejn Malta u Għawdex ladarba tinbena mhux se jkopri l-investiment li jkun sar.
Fi stqarrija, il-gvern qal li dan il-proġett se jgħaqqad darba għal dejjem b’mod permanenti bejn iż-żewġ gżejjer. Il-gvern huwa kommess li jwettaq dan il-proġett għall-benefiċċju tal-kommunità Għawdxija u li se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin. Il-proġett se jiffaċilità l-ivjaġġar għal dawk l-Għawdxin li ta’ kuljum jaqsmu l-fliegu sabiex imorru għax-xogħol. Il-proġett se jġib ukoll opportunitajiet ta’ xogħol u se jistimula t-tkabbir ekonomiku f’Għawdex. Se jagħti wkoll iċ-ċans liż-żgħażagħ Għawdxin biex jaħdmu u jgħixu fi gżirithom.
Intqal li miexi ġmielu x-xogħol ta’ preparamenti u pjanar dwar dan l-investiment importanti minn meta nbeda sentejn u nofs ilu. Qed tingħata l-ikbar attenzjoni lil din il-fażi ta’ pjanar sabiex jiġi aċċertat li l-pajjiż jieħu l-valur massimu minn dan l-investiment.