Il-Ministeru għax-xogħol u l-edukazzjoni rreaġixxa għall-artiklu li deher fuq The Sunday Times of Malta fejn kien allegat li l-General Workers Union se tagħmel profit ta’ tmien miljuni u nofs minn skema tax-xogħol maħruġa mill-gvern.
Fi stqarrija, l-Ministeru qal li l-artiklu miktub minn Ivan Camilleri huwa inġust fuq Jobsplus u l-GWU għaliex mill-informazzjoni u d-dokumenti mogħtija lilu l-fatti juru realta oħra.
Il-Ministeru spjega li l-profit huwa ferm inqas mill-kalkoli li kkwota Camilleri għaliex dan għażel li jinjora l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem u l-bonus obbligatorju imħallas lill-impjegati li b’kollox jammontaw għal kważi elf u erba mitt ewro.
Fl-istess waqt kien innutat kif l-artiklu ma jagħmel ebda referenza li r-rati imħallsa minn min iħaddem huma fissi għall-ħames snin u li min iħaddem għandu jassorbi l-aġġustament annwali għall-għoli tal-ħajja. Barra minn hekk, il-ġurnalist injora wkoll l-ispejjez maniġerjali li hemm bżonn biex titħaddem din l-iniżjattiva.
Il-Ministeru fakkar kif permezz ta’ din l-inizjattiva gawdew sitt mitt persuna ħadmu tletin siegħa fil-ġimgħa filwaqt li baqgħu jirċievu l-benefiċċji soċjali.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-offerta li resqet il-GWU kienet l-iktar waħda kompetitiva li offriet disa’ mija u tmenin ewro kull xahar għal kull ħaddiem u li b’hekk issodisfat il-kriterju li kull ħaddiem jitħallas tal-inqas il-paga minima.