Il-Kummissjoni tal-Ippjanar unanimament ma laqgħetx l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ 54 blokka t’appartamenti, 2 ħwienet u għall-parkeġġ taħt din il-binja f’San Ġiljan.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar spjegat kif il-Kummissjoni oġġezzjonat bil-kbir għal dan il-proġett fejn qalu li t-tul tal-proġett ser ikun ta’ detriment għall-karatteristiċi tal-qalba ta’ San Ġiljan. Minkejja li l-fatt li ż-żona hija kklassifikata bħala ‘Opportunity Site’, il-kummissjoni rrimarkat li żvilupp f’din iż-żona għandu jirrispetta l-ambjent tal-madwar.
Il-Kummissjoni qalet ukoll li l-proġett residenzjali ser joħloq żvilupp intern li mhux permess. It-twaqqigħ ta’ dar eżistenti sabiex wieħed jaċċessa s-sit fi Triq it-Telgħa ta’ Birkirkara kienet deskritta bħala ‘inaċċettabbli’ mill-kummissjoni.
L-istqarrija temmet tgħid li minkejja li tul il-proċess tal-applikazzjoni l-element kummerċjali kien ridott b’mod konsiderevoli, il-proġett xorta waħda kien jinkludi numru kbira ta’ djar b’kamra tas-sodda waħda biss.
Skont il-politika tal-ippjanar 20% tat-total ta’ djar involuti fil-proġett jistgħu jkunu mibnija b’dan it-tali mod li huwa ekwivalenti għal 11 -il blokka mentri dan il-proġett kien qed jipproponi 33 blokka.
Intant l-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mas-Sovrintendeza tal-Wirt Kulturali tat l-ogħla protezzjoni lil tlieta u tletin propjetà u monumenti fir-Rabat, li jinkludu l-Knisja ddedikata lil San Mark, il-monasteru biswitu, numru ta’ residenzi u statwi li jinsabu tul Vjal Santu Wistin u s-Saqqajja fost oħrajn.