Il-Qorti ċaħdet mandat ta’ inibizzjoni, li ppreżenta kontra l-Gvern il-kuntrattur fil-proġett tal-Hub Reġjonali tas-Saħħa Vincent Moran f’Raħal Ġdid.
Is-sentenza, li ngħatat il-Ġimgħa filgħodu, waslet wara talba biex tiġi revokata d-deċiżjoni tal-Gvern li waqqaf ħesrem il-kuntratt li kellu mal-kumpanija responsabbli tal-proġett, minħabba dewmien ta’ ċertifikazzjoni tal-binja u l-ħlas ta’ multi amministrattivi imposti.
Il-kuntrattur ressaq il-mandat biex tiddawwar id-deċiżjoni u jerġa’ jieħu pussess tax-xogħlijiet fil-hub reġjonali meħtieġ tas-saħħa.
Fil-Qorti, il-kuntrattur talab ukoll li ma jitkompliex xi xogħol fuq iċ-ċentru sakemm ikun hemm aċċertament indipendenti dwar ix-xogħolijiet li saru u l-ispejjeż tal-proġett.
Il-kumpanija kuntrattata pprovat ukoll twaqqaf lill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva milli jieħu pussess u jopera tali sptar pubbliku, kif diġà sar, bil-Gvern jargumenta li l-prijorità tiegħu hi li l-post jibda jopera mill-aktar fis possibbli.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ċaħdet it-talba tal-kuntrattur u spjegat li l-importanza tat-tħaddim tal-isptar tiżboq bil-qawwa dak mitlub. Ingħad li l-kuntrattur ukoll naqas milli juri li dan mhux minnu u jkun preġudizzju sproporzjonat kemm-il darba, fiċ-ċirkostanzi, tintlaqa’ t-talba għal ħruġ ta’ mandat.
Dwar it-talba li ma jitkomplewx ix-xogħlijiet, sakemm ikun hemm aċċertament indipendenti, il-Qorti qalet li dan id-dritt ma joħroġx la mill-kuntratt u lanqas mil-liġi, u għaldaqstant tat raġun lill-Gvern.