Il-Qrati ċaħdu l-aħħar minn sensiela ta’ appelli li saru mill-aħwa Degiorgio, li huma akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, biex issa jista’ jibda l-ġuri.
L-aħwa Alfred u George Degiorgio appellaw minn deċiżjoni li tat l-Imħallef Edwina Grima f’Ottubru li għadda, meta ċaħdet mal-mitt talba ta’ qabel il-ġuri li saru mill-avukat tad-Difiża, William Cuschieri.
L-aħwa Degiorgio ilhom jinżammu taħt arrest minn Diċembru tal-2017, meta ġew akkużati b’sehem fil-każ biex seħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-akkużati kienu oġġezzjonaw il-parti tax-xhieda tas-Supretendent Keith Arnaud, li għamel referenza għal informazzjoni li kiseb minn fuq il-mowbajls tagħhom li ġew interċettati mis-servizzi tas-sigurtà.
Meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni, Arnaud irrefera għall-informazzjoni mingħajr ma kien hemm mandat li jawtorizza li din l-informazzjoni tinkiseb.
Arnaud kien identifika lill-persuna fit-telefonati interċettati, bħala George Degiorgio.
L-oġġezzjoni tal-aħwa ntlaqgħet fi stadju ta’ appell u l-Qorti ordnat li titneħħa dik il-parti tax-xhieda ta’ Arnaud mir-rekords tal-każ.
L-ebda uffiċjal tal-Pulizija li se jixhed fiż-żmien li ġej f’dan il-każ m’għandu jagħmel referenza għal din l-informazzjoni.