Ilment ta’ Kevin Cassar ġie miċħud mill-Awtorità tax-Xandir wara li ilmenta għal servizz li xandar u ippubblika ONE News bit-titlu ‘Ħaten Beppe Fenech Adami jgħid li l-Laburisti huma l-inqas edukati fil-pajjiż’.
ONE News irrapporta dan wara li l-istess Cassar kiteb artiklu u fih qal li qed jikkwota minn stħarriġ tal-MaltaToday, li qal li juri li l-inqas edukati fil-pajjiż jappoġġjaw lill-Partit Laburista.
Fi kliem l-Awtorità tax-Xandir, l-ilment ma kellux jintlaqa’, għax ħolistikament ir-rapportaġġ kien jirrifletti dak li fuqu kien kiteb l-istess Cassar, li kien kandidat Nazzjonalista fi żmien Simon Busuttil u li baqa’ ma nġabarx fl-elezzjoni ġenerali.
Filwaqt li ntqal li mhux kollox jista’ jiġi attribwit lil Cassar, l-ilment tiegħu ma setax jintlaqa’.
Għall-istazzjon ONE dehret il-President tal-Partit Laburista u l-Avukat Ramona Attard, waqt li kien rappreżentat ukoll miċ-Chairperson tal-istazzjon Ruth Micallef.
Cassar ikun fl-attivitajiet ta’ Repubblika u kien anke għajjar lil dawk li għandhom fiduċja fil-Partit Laburista u l-Prim Ministru Robert Abela bħala ‘bċieċen’.
Fl-aħħar jiem, ieħor li jkun fl-attivitajiet ta’ Repubblika, Andrew Borg Cardona magħruf bħala ‘l-Boċċa’ irrefera għal studju ta’ Ċensiment u qal li dawk illitterati huma Laburisti.
Sejħilhom bħala ‘Labour Trolls’ f’kitba li għamel fuq Facebook.
L-establishment Nazzjonalista kompla wkoll iżid fid-doża fejn l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia qabbel lil Franco Debono ma’ “tumur li qed jerġa’ qed joħroġ”.