Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ċaħad ilment ta’ Arnold Cassola fil-konfront tal-Prim Ministru.
L-ilment ta’ Cassola kien dwar intervista li ta l-Prim Ministru Robert Abela fi tmiem laqgħa bejn mexxejja Ewropej fi Praga fejn fil-kummenti tiegħu, Dr Abela tkellem dwar is-sussidju fl-enerġija li kien qed jagħti l-Gvern Malti favur stabbiltà għall-familji u n-negozji u kif kien hemm diskussjoni f’livell Ewropew dwar stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.
Dawn il-kummenti ġew ippubblikati fuq il-paġna uffiċjali ta’ facebook tal-Gvern, MaltaGov, iżda Cassola deherlu li dan il-filmat irreklamat għandu jiġi investigat.
Fit-trattazzjoni tiegħu, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi rrimarka li l-Prim Ministru ma kisirx l-etika, għax ta informazzjoni ta’ interess pubbliku ġenwin.
“Dan hu sempliċiment filmat ta’ intervista fejn il-Prim Ministru kien qed jagħti rendikont tal-laqgħa li kellu bħala Prim Ministru u qal biss li jekk, bil-miżuri li jittieħdu ’l quddiem, jonqos il-prezz tal-enerġija, kien se jkun il-poplu li jkun qed jiffranka l-flus”, saħaq il-Kummissarju għall-Istandards li aċċenna kif il-poplu għandu dritt ikun informat kif għamel il-Prim Ministru.
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika nnota li din kienet intervista ma’ ġurnalista u mhux filmat bi produzzjoni maħduma apposta bħala reklam.
Għalhekk ma sab l-ebda bażi biex jinvestiga l-ilment ta’ Cassola.