Ilment ieħor kontra l-Prim Ministru Robert Abela, li sar mill-Professur Arnold Cassola mal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, reġa’ ġie miċħud. Din id-darba l-ilment kien jittratta kunċert fil-miftuħ għal għan nobbli, li wkoll ilu jsir bla ħlas sa mill-2010.
Fil-fatt, lura f’Lulju tal-2023, Cassola ilmenta mal-Kummissarju għall-Istandards, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, dwar dan l-istess kunċert, bl-isem ta’ ‘A Night at the Palace’, u semma, fost oħrajn, l-użu tal-Palazz tal-Istat, jiġifieri dak tal-Girgenti, u l-ħlas minn fondi pubbliċi lill-membri tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u lil kantant liriku.
B’reazzjoni għal dan l-ilment, il-Prim Ministru kien wieġeb f’ittra li l-attività hi waħda pubblika miftuħa għal kulħadd u ilha tiġi organizzata għal dawn l-aħħar erbatax-il sena.
Fl-istess ittra, il-Prim Ministru żied jgħid li dan l-avveniment ikun ilu mmarkat fuq il-kalendarju tal-Orkestra Filarmonika minn ħafna qabel, waqt li l-pubbliku jista’ jiġbor l-istediniet mill-Berġa ta’ Kastilja.
Hu tenna li minkejja d-dħul għall-attività kien b’xejn, din is-serata kellha wkoll għan nobbli, hekk kif inġabru flus għall-għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tal-Animal Werfare.
Wara investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards, fejn saħansitra ġie vverifikat dak indikat fl-ittra mill-Prim Ministru, instab li ġaladarba l-kunċert ‘A Night at the Palace’ kien miftuħ għall-pubbliku bla ħlas, ma jistax jitqies bħala avveniment li sar għall-benefiċċju ta’ qraba tal-Prim Ministru jew mistednin oħrajn tiegħu, kif allega Arnold Cassola.
B’hekk il-Kummissarju kkonkluda li ma kien hemm l-ebda bażi biex il-kwistjonijiet imsemmijin fl-ilment ikomplu jiġu investigati.