Tħabbru l-preżentaturi tal-Eurovision Song Contest li se jsir fl-Iżvizzera f’Mejju li ġej.
Il-festival se jkun qed isir f’Basel bis-semi finali fit-13 u 15 ta’ Mejju se jkunu ppreżentati minn Hazel Brugger u Sandra Studer.
Brugger, li għandha 31 sena hija preżentatriċi u komika mwielda l-Istati Uniti iżda li trabbiet fi Zurich għalkemm illum tgħix il-Ġermanja. Minn naħa l-oħra, Sandra Studer, li għandha 55 sena, kienet irrappreżentat lill-Iżvizzera fil-Eurovision tal-1991 meta kienet magħrufa bħala Sandra Simó. Hija kienet spiċċat fil-ħames post bid-diska ‘Canzone Per Te’. Minn dak iż-żmien hija segwiet karriera ta’ preżentatriċi, attriċi u anke kantanta u filwaqt li ippreżentat is-serata li fiha intgħażlet id-diska Żvizzera kienet ukoll ħabbret il-voti fl-edizzjoni tal-1994.
Għas-serata finali li se ssir fis-17 ta’ Mejju se tingħaqad magħhom Michelle Hunziker, waħda mill-aktar personalitajiet internazzjonali magħrufa fl-Iżvizzera. Hunziker, li għandha 47 sena, hija waħda mill-aktar preżentatriċi maħbuba fl-Ewropa bi programmi popolari televiżivi fil-Ġermanja u l-Italja bħal ‘Wetten, dass…?’, ‘Striscia la Notizia’ u sintendi l-famuż Festival ta’ Sanremo li se jibda tliet ġimgħat oħra.