L-Assoċjazzoni Maltija tal-Futbol, l-MFA ħabbret li Michele Marcolini ġie appuntat kowċ tat-tim nazzjonali Malti.
L-MFA ħabbret dan fi stqarrija hekk kif spjegat li t-Taljan ta’ 47 sena ffirma kuntratt sal-aħħar tal-2024 filwaqt li se jidħol għal dan l-irwol mill-ewwel ta’ Jannar tal-2023.
Marcolini huwa eks plejer ta’ numru ta’ timijiet Taljani fosthom Bari, Torino, Atalanta u Chievo Verona.
Huwa kien kowċ ukoll ta’ diversi timijiet fis-Serie B u Serie C fl-Italja u saħansitra rebaħ il-Coppa Italia Serie C meta kien kowa ta’ Alessandria fl-istaġun 2017/ 2018.
Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo rrimarka s-sodisfazzjon tiegħu li Marcolini aċċetta li jingħaqad bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti hekk kif tenna li kien hemm proċess impenjattiv biex l-MFA tasal għal din id-deċiżjoni.
Vassallo qal ukoll li l-prijorità tal-MFA tibqa’ dik li tassigura li l-proġett tekniku tagħha jibqa’ javvanza kif pjanat paripassu mal-istrateġija tagħha li tikseb filosofija ta’ logħba maqgħuda bejn it-timijiet kollha tan-nazzjonal.
L-assistent ta’ Marcolini se jkun Davide Mandelli.
Marcolini se jidħol għal dan l-inkarigu wara li l-eks kowċ tat-tim nazzjonali Malti Devis Mangia, irriżenja wara allegazzjonijiet ta’ fastidju sesswali.