Il-komunità tat-tiġrijiet taż-żwiemel tinsab f’luttu hekk kif il-ġerrej ta’ 24 sena Michael O’Sullivan miet 10 t’ijiem wara inċident ikrah waqt tiġrija tal-qbiż fil-korsa ta’ Thurles l-Irlanda.
Nhar is-6 ta’ Frar O’Sullivan kien fuq iż-żiemel favorit Wee Charlie meta waqa’ fl-aħħar qabża tat-tiġrija twila żewġ mili. Eżatt wara l-inċident, li kien jinvolvi ħamest’iżwiemel, huwa ttieħed bil-ħelikopter lejn Cork University Hospital.
Kien irrappurtat li ż-żwiemel kif ukoll l-erba’ ġerrejja l-oħra kienu f’kundizzjoni tajba, iżda O’Sullivan baqa’ jinżamm fit-taqsima tal-kura intensiva sakemm miet kmieni ilbieraħ filgħodu ħamest ijiem biss ’l bogħod milli jagħlaq 25 sena.
Il-familja taw il-kunsens sabiex l-organi tiegħu jingħataw b’donazzjoni.
Bħala rispett kienu kkanċellati l-programmi tat-tiġrijiet ipprogrammati.
Michael O’Sullivan kien meqjus bħala wieħed mill-istilel ġodda fl-isport
Huwa rreġistra 95 rebħa fl-Irlanda u l-Ingilterra inkluż ir-rebħ ta’ żewġ tiġrijiet fiċ-Cheltenham Festival fl-2023 inkluż is-Supreme Novices’ Hurdle tigrġija Group 1, bl-aktar suċċess riċenti tiegħu propju x-xahar l-ieħor meta rebaħ l’O’Driscoll’s Irish Whiskey New Year’s Day Chase tiġrija Group 3 f’Tramore.