Quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi l-Awditur Ġenerali stqarr li l-kelma “kollużjoni” fir-rapport dwar il-każ ta’ Strada Zekka kienet qed tintuża “għal xi tip ta’ ftehim bejn Gaffarena u d-Dipartiment tal-Artijiet”, mhux għall-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
B’mod repetut l-Awditur Ġenerali evita milli jipponta subgħajh lejn Michael Falzon minkejja li ġie rrimarkat mill-membri tal-Oppożizzjoni li fir-rapport tiegħu l-Awditur qal li kien hemm kollużjoni bejn id-Direttur Estate Management (DEM), id-Direttur Ġenerali u s-Segretarju Parlamentari. L-Awditur dar mal-lewża iżda qatt ma qal li l-akkuża ta’ kollużjoni kienet diretta għal Dr Falzon.
Ippressat dwar dan il-punt, l-Awditur Ġenerali Charles Deguara sostna li l-involviment tas-Segretarju Parlamentari f’dan l-allegat “kollużjoni” kien li ffirma għall-esproprazzjoni.
L-unika risposta li ta l-Awditur Ġenerali meta mistoqsi speċifikament x’wasslu biex jikkonkludi li kien hemm kollużjoni, l-Awditur sostna li skont hu din tiġi mill-mod kif issuċedew l-affarijiet.
Id-Deputat Michael Falzon qal min-naħa tiegħu illi jekk il-ħtija ta’ kollużjoni tiegħu hija li ffirma fuq il-parir tawh mid-Dipartiment, allura kull min iffirma esproprazzjoni qablu kien kompliċi f’kollużjoni.
L-eks Segretarju Parlamentari qal li r-rapport tal-awditur dwar l-esproprjazzjoni tal-proprjetà fi Triq Zekka mhu xejn għajr persekuzzjoni politika (political witch hunt) kontrih, li wasslitu biex jirriżenja.
Dr Falzon qal li waqt li għandu kull fiduċja fl-Uffiċċju tal-Awditur, huwa kien diġa’ indikalu li ferm qabel kien hemm nies li kellhom aġenda politika.
Fir-rapport tiegħu, l-Awditur qal li sab irregularitajiet. Il-Prim Ministru fetaħ kawża fil-Qorti biex jannulla l-ftehim.
Dr Falozn ċaħad akkużi li Clint Scerri, membru fis-Segretarjat tiegħu, kien il-ħolqa bejnu u bejn id-Dipartiment tal-Artijiet. Qal li huwa qatt ma ta struzzjonijiet lil persuna ta’ 22 jew 23 sena fuq skala 14 jew 15 biex jaġixxi f’ismu. Anqas qal lill-uffiċjali għolja fid-Dipartiment tal-Artijiet li dan kien qed jitkellem f’ismu.
Falzon ikkritika l-fatt li l-awditur ma nvestigax lill-Perit Joseph Spiteri li għamel il-valutazzjoni tal-proprjetà. Staqsa għaliex ma jissemmiex f’dan ir-rapport. Fuq mistoqsija tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, sar magħruf li l-awditur qed jinvestiga valutazzjoni oħra li għamel il-Perit Spiteri.