“Hu fatt li l-pensjoni rdoppjat taħt Gvern Laburista”. Dan kien kliem il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon li, f’artiklu li kiteb fit-Times, saħaq li l-pensjonanti f’pajjiżna gawdew minn żidiet kbar fl-aħħar snin grazzi għal għadd ta’ inċentivi li ddaħħlu.
Waqt li wieġeb għal miżinformazzjoni li għadda l-kandidat indipendenti Arnold Cassola, li qal li l-benefiċċji tal-pensjonijiet baqgħu baxxi minħabba nuqqas ta’ fondi, Falzon spjega li, bil-maqlub, fl-2024 l-istimi finanzjarji jindikaw ċar li l-allokazzjoni għall-pensjonanti rtirati biss se tammonta għal madwar seba’ mija u sitta u disgħin miljun ewro (€796 miljun).
Dan hu l-ogħla ammont li qatt ġie allokat u anke mija u tmintax-il miljun ewro (€118-il miljun) iżjed meta mqabbel mal-2022 u tliet mija u ħamsa u tmenin miljun ewro (€385 miljun) ogħla mill-2013.
Għalhekk, tenna l-Ministru Falzon, il-pensjoni rat żieda ta’ 17% meta mqabbel ma’ sentejn ilu u żieda ta’ 94% meta mqabbel mal-2013.
Cassola għoġbu jaqsam il-pensjonanti bejn dawk li ħallsu rata ta’ sigurtà soċjali ogħla u l-bqija u qal li dawk li qed jitħallsu l-ogħla rata qed jiffaċċjaw tnaqqis.
Iżda Michael Falzon spjega li tali argument hu skorrett, għax fl-aħħar snin il-Gvern ra li kull pensjonant jirċievi l-istess ammont ta’ żieda, kien x’kien l-ammont ta’ kontribuzzjoni li kien qed iħallas.
Fil-fatt, f’din is-sena, il-pensjonanti kollha qed jibbenefikaw minn żieda ta’ €15 fil-ġimgħa, u f’ċerti każi, romol u ħaddiema li rtiraw wara l-2008, ħadu żieda żejda għall-għoli tal-ħajja.
Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar seba’ snin, il-pensjonanti b’rata għolja ta’ inċentiv ma kinux qed jirċievu żieda mnaqqsa meta mqabblin ma’ pensjonanti oħrajn, iżda żieda ugwali.
Falzon tenna li l-istqarrija li grupp ta’ pensjonanti ħallsu rata ogħla fuq oħrajn hi falza u dan għax l-ogħla rata ta’ kontribuzzjoni tinbidel kull sena, iġifieri xi ħadd li ħallas rata għolja ta’ kontribuzzjoni jfisser li jkun ħallas ammonti differenti matul is-snin.
L-aħħar punt li spjega l-Ministru hu rigward l-ommijiet, jew ġenituri, li rċievew kreditu ta’ kontribuzzjonijiet differenti.
Minkejja d-diskriminazzjoni immaġinarja, li ħoloq Cassola meta mqabbel ma’ ommijiet mweldin qabel l-1952, il-Ministru Falzon assigura li kull omm jew ġenitur li twieldu wara din is-sena se jkunu qed jirċievu pensjoni tajba daqs kulħadd.
Fil-ġimgħat li ġejjin, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali se jkun qed jara li, b’mod gradwali, jitkompla l-proċess biex jitqassmu ż-żidiet ta’ €9.47 fil-ġimgħa lil dawk imwielda qabel l-1962 u dawk li qegħdin fuq il-pensjoni massima.
Għalhekk, il-pensjonanti li, skont Cassola se jingħataw żieda inadekwata, se jkunu qed jirċievu żieda ta’ €24.47 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom matul l-2024, li tfisser żieda ta’ mill-inqas €74 fil-ġimgħa fuq perjodu ta’ 11-il sena.
Falzon tenna li l-amministrazzjoni se tibqa’ ddedikata biex ittejjeb l-għajxien ta’ kull pensjonant.