Michael Caruana Turner, żagħżugħ ta’ għoxrin sena minn Birkirkara ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest iżda se jinżamm arrestat f’daru wara li l-Ħamis filgħodu wieġeb mhux ħati li sitt ijiem ilu tajjar tmienja min-nies f’San Ġiljan waqt li kien fi triqtu għal għand nanntu wara lejl ta’ divertiment f’Paceville, f’San Ġiljan.
L-awla tal-Maġistrat Joe Mifsud kienet mimlija mill-qraba ta’ Caruana Turner fosthom ommu, missieru u ħutu li dehru emozzjonati ħafna jistennew fuq ix-xwiek id-deċiżjoni tal-Maġistrat dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
L-Avukat Joe Giglio li qed jidher għal Caruana Turner li fost oħrajn ġie mixli bi qtil involontarju taż-żagħżugħ Olandiż Tim Scholten, stqarr li l-akkużat ibati mill-kundizzjoni tad-dyslexia u jinsab iddispjaċut ħafna għal dak li ġara.
Huwa kkwota dak li qal l-akkużat meta interrogat mill-Pulizija meta għarrfuh li wieħed mill-vittmi kien miet. Fl-istqarrija lil Pulizija, iż-żagħżugħ irreaġixxa billi stqarr li jobgħod lilu nnifsu u li ma jistax jimmaġina dak kollu li qed jgħaddu minnu qrabatu.
Caruana Turner kompla jgħidilhom kif jixtieq jikkumpensa lill-familja minkejja li din hija l-anqas ħaġa li jista’ jagħmel u anka jekk ikollu jqatta’ ħajtu kollha jaħdem għal dan.
Żied jgħid li jekk kien hemm xi ħadd li kellu jmut, kellu jkun hu u li ma jista’ jaħfer lilu nnifsu qatt għal dak li ġara.
Kien hawn li l-Avukat talab lill-Maġistrat sabiex jinstab bilanċ hekk kif il-Qorti għandha tqis jekk hemmx raġuni valida li ma jingħatax ħelsien mill-arrest.
Dan hekk kif, l-imputat jgħix u jaħdem Malta, għandu fedina penali nadifa u m’hemmx biża’ ta’ intralċ tal-provi għax ix-xhieda nstemgħu kollha mill-esperti tal-Qorti.
Il-Maġistrat Joe Mifsud sostna li fl-erba’ ta’ filgħodu, iż-żgħażagħ mhux posthom barra għax aktar ma ddaum barra aktar tixrob u jwasslek biex tagħmel affarijiet li s-soltu ma tagħmilhomx. Sostna li min ikun mixi fit-triq għandu d-dritt li jasal id-dar qawwi u s-sħiħ u li r-rimors wara huwa kollu għalxejn.
Il-Qorti qalet li minkejja li jrid jinħoloq bilanċ, xorta waħda riedet tibgħat messaġġ lis-soċjetà li affarijiet bħal dawn mhumiex permessi u li għandna nerfgħu r-responsabbiltà tal-azzjonijiet tagħna.
Fid-dawl ta’ dan, il-qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest iżda ordnat li ż-żagħżugħ jibqa’ jinżamm arrestat f’daru. Huwa mhux se jkun jista’ joħroġ mid-dar ħlief biex imur għal xi appuntament mediku jew għal skopijiet ta’ edukazzjoni. Huwa ġie ordnat jiffirma tliet darbiet fil-ġimgha fl-għassa ta’ Birkirakara u jħallas depożitu ta’ elfejn ewro u garanzija personali ta’ għaxart elef ewro. Il-qorti ssospendietlu wkoll il-licenzja tas-sewqan.