Fis-seduta tal-“grilling” tiegħu quddiem il-Membri Parlamentari Ewropej il-ġimgħa l-oħra, in-nominat Malti għal Kummissarju Ewropew, Glenn Micallef, kiseb l-akbar appoġġ minn fost il-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.
Dan ħareġ minn rapport tas-sit awtorevoli Politico, li tenna li Micallef, li ġie assenjat il-portafoll importanti taż-żgħażagħ, il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, l-isport u l-kultura, kellu l-appoġġ ta’ sitt gruppi politiċi minn tmienja. Iż-żewġ gruppi politiċi li m’appoġġjawhx huma t-tnejn tal-lemin estrem u fil-maġġoranza tagħhom kontra l-Unjoni Ewropea per se.
B’dawn iż-żewġ gruppi politiċi kważi ma jivvotaw favur l-ebda nominat li deher fil-“grilling” quddiem il-kumitati tal-Parlament Ewropew.
Rapport ieħor tas-sit awtorevoli Politico sostna kif Micallef kellu “grilling” suċċess u xejjen għal kollox in-narrattiva li bdiet tiġi ċċirkolata, għax għadu wisq żgħir jew li ma kellux esperjenza biex isir Kummissarju Ewropew.
Intqal li Glenn Micallef kien ippreparat sew dwar il-portafoll tiegħu, waqt li tkellem bil-Malti meta kien mistoqsi dwar il-multi-lingwiżmu u anke kif enfasizza dwar id-diversità tal-isportivi.
Sadanittant, min-naħa l-oħra, ġie nnotat kif in-nominat Ungeriż se jkollu jerġa’ jidher għal “grilling” ulterjuri wara li ma kienx konvinċenti biżżejjed fl-ewwel wieħed u, għalhekk, irid iwieġeb aktar mistoqsijiet.