Il-pjan biex il-lukanda u bungalows li hemm f’Kemmuna jingħataw ħajja ġdida kien rivedut, u fi stqarrija ntqal li tul il-jum ta’ Tnejn tressqu pjanti ġodda għand l-Awtorità tal-Ippjanar.
HV Hospitality, li hija s-sid tal-lukanda u l-bungalows eżistenti, qalet fi stqarrija li wara r-rispons tan-nies ippreżentat pjanti ġodda.
Il-pjani oriġinali, ġabu oġezzjonijiet hekk kif dawk li opponewhom sostnew li l-proġett propost iżid il-pressjoni fuq iż-żona anke jekk diġa’ hemm il-bini tal-lukanda antika.
Fi stqarrija, intqal li l-pjanti riveduti jaħsbu biex ikun hemm tnaqqis fil-foot print tal-lukanda u l-bungalows, bit-tnaqqis jingħad li hu ta’ madwar 8,000 metru kwadru.
Intqal ukoll li HV Hospitality qed tippjana li tibdel il-lukanda fil-bajja ta’ San Niklaw u l-bunaglows fil-bajja ta’ Santa Marija fi stabbiliment sostenibbli lussuż u li se jkun immaniġjat mid-ditta globali Six Senses.
Ġie spjegat li l-pjani se jinkludu t-tħawwil ta’ 55,000 siġra, arbuxelli u pjanti endemiċi, filwaqt li fl-istess ħin ikun hemm it-tneħħija ta’ speċi invażivi u aljeni. Se jkun imfittex li jkollha ċertifikazzjoni magħrufa bħala LEED, li hi ċertifikazzjoni ta’ sostenibbiltà li tinsab biss f’għoxrin lukanda oħra madwar id-dinja.