Wara iktar minn sena ta’ allegazzjonijiet dwar persuni diversi, partikolarment membri tal-gvern, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil qal li mhux xogħlu jġib il-provi. Busuttil kien qed jieħu sehem fil-programm Dissett fejn filwaqt li ddefenda lid-deputati tiegħu Jason Azzopardi u Toni Bezzina attakka kemm felaħ membri tal-gvern fosthom il-Prim Ministru u l-Ministru Konrad Mizzi.
Iżda, meta mitlub jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu, saħansitra ta’ korruzzjoni, Busuttil qal biss: “Mhux xogħli nġib il-provi. Mela jien pulizija.” Busuttil qal dan ftit tal-jiem wara li ma telax jixhed fil-każ li fetaħlu ċ-chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Dan wara li qal li ma jafx għaliex fetaħlu l-libell Schembri anke jekk kien innotifikat dwar dan xhur ilu.