Mhux vera miet il-kantant Enzo Gusman. Fl-aħħar ħin ġie rappurtat li Enzo Gusman miet waqt li jinsab rikoverat fi sptar fil-Kanada iżda dan mhux minnu u ONE News għandu l-konferma minn nies qrib il-familja Gusman.
Fil-fatt ONE News irrapporta mill-bidu nett b’mod korrett u ċaħad l-aħbar falza li ġiet rappurtata minn siti u kmamar tal-aħbarijiet oħra.
Bint Enzo, Greta Gusman kitbet li mhuwiex minnu li Enzo Gusman miet, anki jekk diversi kmamar tal-aħbarijiet oħra rrappurtaw din l-aħbar falza. “Jekk jogħġobkom ixxerdux qlajjiet għaliex il-familja diġà għaddejja minn ħafna. Irrispettaw il-privatezza tal-familja tagħna”, talbet Greta Gusman. Mart Enzo, Carmen ukoll ċaħdet l-aħbar falza li xterdet minn midja oħra li issa ħassret l-aħbar falza li rrappurtat. “Għal grazzja t’Alla, Enzo għadu magħna”, qalet Carmen Gusman.
Il-familja Gusman qalet li Enzo Gusman għandu bżonn it-talb wara li kellu inċident meta kien qed iżur lill-uliedu ġewwa l-Kanada. Għaxart ijiem ilu, Enzo Gusman li ddomina x-xena mużikali u tal-ispettaklu għal ħafna snin, għalaq 73 sena.
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista awgura fejqan ta’ malajr lil Enzo Gusman filwaqt li appella biex ma tinxteridx informazzjoni skorretta fuq il-mezzi soċjali. Il-Partit Laburista wera s-solidarjetà mal-qraba kollha ta’ Enzo Gusman f’dan il-mument diffiċli.