Mhux vera li l-Professur Charmaine Gauci rriżenjat minn Supretendent tas-Saħħa Pubblika.
Fl-aħħar sigħat bdiet tiġri xniegħa li l-Professur Gauci rriżenjat iżda din ġiet miċħuda minnufih.
Għada mistennija tindirizza konferenza tal-aħbarijiet oħra bl-aħħar aġġornament mediku.
Il-Professur Charmaine Gauci ilha involuta fis-saħħa pubblika mill-2009 u kienet anki tmexxi d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa.
Intant fuq il-profil tagħha fuq facebook, il-Professur Charmaine Gauci ċaħdet li rriżenjat minn Supretendent tas-Saħħa Pubblika.
Hija qalet li huwa ta’ privileġġ għaliha li qed isservi lil pajjiż u lil poplu f’ċirkostanzi diffiċli u li huma imprevedibbli għal kulħadd.
Hija qalet li ninsabu f’salib it-toroq u ser tibqa’ taqdi dan l-irwol importanti b’responsabilità u lealtà sħiħa kif dejjem għamlet.
Sostniet li l-għajdut li hi rriżenjat huwa invenzjoni totali.
Intant, fi tweet il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-kampanja ta’ wħud kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika waslet biex dawn ixerrdu xnigħat foloz li hi rriżenjat.
Dr Abela qal li jinsab ċert li dawn ix-xnigħat ħa jsaħħu l-ħidma tal-Prof. Charmaine Gauci sabiex pajjiżna jerġa’ jmur lejn in-normalità.
The campaign mounted by a few against the Superintendent of Public Health has reached new levels with fake news implying her resignation. I am sure that petty rumours will only strengthen the sterling work by @CGauci1 towards our country’s 🇲🇹normality. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) May 21, 2020