Fi sfond tal-pjanu mill-bravu Mro. Joe Brown tnieda l-kalendarju ta’ Pjazza Teatru Rjal għal din is-sena. Din hija l-ewwel tnedija uffiċjali minn Pjazza Teatru Rjal.
Mro Christopher Muscat, id-Direttur, beda billi faħħar l-appoġġ li jsib mill-Kunsill għall-Arti kif ukoll mill-Ministeru tal-Kultura u Ġustizzja Lokali.
Iċ-Chairman Charles Gatt spjega l-importanza tal-isem Pjazza Teatru Rjal fejn mhux biss it-teatru iżda wkoll il-pjazza li hija importanti għax toffri spazju kulturali. Spjega li bħala amministrazzjoni, l-ispazju qed jiġi sfruttat kollu u l-livell għoli li qed jintlaħaq huwa wieħed sodisfaċenti. Semma wkoll il-Malta Concert Orchestra li qed tagħmel ħafna xogħol u anke toħroġ ‘il barra minn Pjazza Teatru Rjal fejn qed tiġi mistiedna wkoll minn diversi entitajiet.
Albert Marshall faħħar il-mod progressiv li qed jadotta dan it-teatru u saħaq li jinsab immeraviljat bil-livell u kwalità li qed tittella’ f’dan l-imkejjen. Marshall qal li dan it-teatru twieled taħt stilla avventuruża għaliex min riedu jinbena kif kien qabel, u min kif inhu llum, però fl-aħħar mill-aħħar dan it-tip ta’ xenarju minn parkeġġ biddlu għal dan it-teatru sabiħ u attiv immens. U b’mod sabiħ dan qed jikkoeżisti mal-kumplament tal-bini tal-madwar.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li wieħed mill istejjer ta’ suċċess fil-kultura huwa dan il-post. Faħħar id-direzzjoni ta’ Chris Muscat fejn faħħru bħala wieħed mill-aqwa amministraturi li għandna f’ pajjiżna.
Pjazza Teatru Rjal qed jattira imħuħ akkademiċi anke b’diskussjonijiet li huma ta’ livell akkademiku mmens fost il-bosta wirjiet spettakolari li jsiru kemm lokalment u anke minn artisti magħrufa minn barra. Il-Ministru Bonnici faħħar ukoll lill-ħaddiema li jaħdmu bla nifs.
Semma’ wkoll il-problema tal-ħsejjes minħabba li huwa teatru miftuħ. Sostna li għandha tinfetaħ diskussjoni pubblika biex naraw x’jista’ jsir bl-aħjar mod biex igawdi kulħadd u ma jbati ħadd. Qal li bħala Gvern m’aħniex ninjoraw dawn l-ilmenti anzi fil-ġimgħat li ġejjin ser titnieda d-diskussjoni nazzjonali għaliex m’aħna qatt se ninsew lin-nies tal-madwar. Fl-istess ħin qal li kull ilment fuq il-ħoss ikun ibbilanċjat b’tifħir għax-xogħol li qed isir fil-qasam kulturali.
Preżenti kien hemm il-bord ta’ Pjazza Teatru Rjal.