L-aħbar is-sabiħa hi li l-paga minima mhux biss se tkun qed tiżdied għall-ewwel darba wara 24 sena, iżda se tibda tiżdied kull tant snin b’mekkaniżmu maqbul. Ta dawn id-dettalji l-Prim Ministru, Joseph Muscat, waqt il-programm Arena. Hawn fisser kif it-triq għal din iż-żieda bdiet qabel l-aħħar baġit.
“Bdejna meta konna qegħdin nippreparaw għall-baġit li għadda. Kien ċar li l-ekonomija qiegħda tikber u konna qed ngħidu ma jistax ikun li din il-paga minima li ilha ma tiżdied tibqa’ kif inhi,” qal Joseph Muscat li fisser kif ladarba ma kienx hemm qbil bejn l-imsieħba soċjali l-gvern refa’ hu żidiet lil min hu fil-paga minima.
Minn hemm ‘il quddiem bdiet diskussjoni nazzjonali. “Ma kienx faċli. L-aħħar darba li qablu kien fl-1989 meta kien intlaħaq il-ftehim dwar il-COLA. Ilna mill-1989 ma jkun hawn ftehim. Imbarkajna fuq taħdidiet,” qal il-Prim Ministru li mexxa dawn in-negozjati u li fost oħrajn semma s-sehem tal-Ministru Helena Dalli u d-Deputat Prim Ministru Louis Grech.
“Hemm żidiet u numru ta’ innovazzjonijiet soċjali,” qal il-Prim Ministru meta żvela kif se tibqa’ tkun riveduta kull numru ta’ snin permezz ta’ mekkaniżmu.
“Dak li għamilna huwa ħolma. Issa mhux irridu nistennew 27 sena oħra. Imma se jkun hemm numru ta’ indikaturi li jekk l-ekonomija tkun tiflaħ il-paga minima terġa’ tiżdied. Dan hu episodju sabiħ ħafna. Għaliex qegħdin fil-politika. Biex meta jinħoloq il-ġid jasal għand kulħadd,” qal il-Prim Ministru f’jum storiku ieħor għall-pajjiżna.