Il-Gvern m’għandu l-ebda intenzjoni li jgħolli l-eta’ tal-irtirar minkejja li jħeġġeġ lil dawk li jistgħu jirtiraw biex ikomplu jaħdmu permezz ta’ inċentivi finanzjarji li diġa’ qed ikunu offruti. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal dan waqt seminar organizzat mill-Istitut tas-servizzi finanzjarji dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna fil-futur u kif il-viżjoni tas-sistema tal-pensjoni tidħol f’dan il-kwadru.
Il-Prim Ministru stqarr ukoll li l-Gvern ma jridx idaħħal is-sistema tal-pensjoni tat-tieni klassi f’pajjiżna għaliex kull ħaddiem qiegħed iħallas il-kontribuzzjonijiet lill-Gvern u għaldaqstant għandu d-dritt li jirċievi pensjoni tal-Istat diċenti. Madanakollu dan ma jfissirx li individwi li jistaw iġemmaw b’mod privat m’għandhomx jagħmlu dan fuq għażla personali, huwa irrefera għal pajjiżi oħra, fosthom Ewropej bħal-Pollonja, l-Ungerija u l-Islovakkja li pruvaw jagħmlu użu minn din is-sistema, ta’ pensjoni tat-tieni klassi, biex imbagħad indunaw li din kienet deċiżjoni żbaljata għaliex żdiet il-faqar u għalhekk kellhom jieħdu passi biex ikunu mnaqqsa l-effetti negattivi.
Dawn huma tnejn mill-ħames punti li fuqhom ir-riforma tas-sistema tal-pensjoni ta’ pajjiżna qed tkun msejsa. Punt ieħor li għandna nżommu f’moħħna, qal il-Prim Ministru, huwa li din is-sistema’ ma tistax tibqa għal dejjem u huwa għalhekk li l-pjan tal-Gvern jirrikjedi li kull ħames snin issir reviżjoni kif meħtieġ.
Il-Prim Ministru fakkar fil-bidliet li diġa daħlu fis-seħħ fix-xhur li għaddew fosthom iż-żieda fil-pensjoni minima li minnha ibbenefikaw mat- 12,000 pensjonant li jidher li diġa ħalliet impatt dirett fuq il-kwalita’ tal-ħajja tal-anzjani hekk kif rifless fir-rapport tal-Caritas.
It-tibdil li sar s’issa u dak li għadu jrid isir huwa frott ekonomija b’saħħitha li rat ħolqien bla preċedent ta’ impjiegi, l-inqas rati ta’ qgħad fost kważi kull kategorija tas-soċjeta’, titjieb fid-deficit u dejn Nazzjonali tal-pajjiż u żieda fit-tkabbir ekonomiku li qed tkun rikonoxxuta kemm mil-Gvern, minn istituzzjonijiet barranin u li fuq kollox qed tinħass fil-bwiet tal-Maltin.