Fuq ONE Radio l-Prim Ministru tkellem dwar id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fil-laqgħat tal-Kabinett u dwar il-politika ambjentali ta’ dan il-Gvern semma kif f’perjodu deċiż iridu jibdew jidħlu karozzi elettriċi.
Qal dan fi sfond li wara l-għeluq tal-powerstation tal-heavy fuel oil, huwa t-traffiku bħala l-aktar sors li qed iniġġes l-arja f’Malta.
Huwa semma wkoll t-tnaqqis tal-iskart mill-borża s-sewda b’ħamsa u għoxrin fil-mija wara li qed jinġabru eluf ta’ tunnellati bħala skart organiku.
Qal ukoll li sal-aħħar ta’ din is-sena se tidħol l-għaxar ċenteżmi ħlas fuq kull flixkun tal-plastik li imbagħad tiġi rifonduta mar-ritorn tal-flixkun.
Il-Prim Ministru ġie mistoqsi wkoll dwar il-ftuħ ta’ skola ġdida f’Wied il-Għajn.
“Din hija infrastruttura importanti għas-sistema edukattiva, iżda apparti s-seba’ skejjel ġodda f’seba’ snin, qed isir irranġar ta’ skejjel oħra li wkoll jixirqilhom l-aħjar ambjent”, saħaq il-Prim Ministru li semma wkoll kif l-għalliema jixirqilhom kull appoġġ f’xogħolhom.
Dwar il-kwistjoni tal-ħaddiema Torok li ġejjin jaħdmu fuq proġetti privati, il-Prim Ministru rrimarka li fil-verità ġejjin ħames mija u mhux ħames t’elef ħaddiem.
Dr. Muscat kien ċar ukoll li dawn il-ħaddiema se jkunu akkomodati f’post xieraq u tenna li l-Gvern se jkun sod mal-kuntratturi biex ma jagħtix lok għall-abbużi.
Fost l-oħrajn semma wkoll li ħaddiem minn barra l-Unjoni Ewropea mhux se jkun tollerat li jitħallas b’inqas mill-paga minima.
“Dan mhux sew għall-ħaddiema inkwistjoni u anki għax toħloq kompetizzjoni inġusta mal-ħaddiema Maltin”, qal Dr. Joseph Muscat.
Mistoqsi dwar it-tnaqqis ta’ sebgħa fil-mija fil-kriminalità, il-Prim Ministru qal li l-istituzzjonijiet tad-dixxiplina jgawdu fiduċja mingħand in-nies, dan minkejja l-attakki li jsiru mingħand xi wħud.
Tul l-intervista li xxandret fuq ONE Radio, il-Prim Ministru għamel referenza għall-ħruġ ta’ mitt miljun ewro f’bonds għall-anzjani.
Qal li fi klima ekonomika pożittiva li qed tkompli tikber, is-self tal-Gvern naqas u allura jista’ anki jnaqqas ir-rata tal-imgħax.
Il-Prim Ministru spjega li b’dawn il-bonds, il-Gvern qed jagħmel deċiżjoni soċjali billi jagħti rata aħjar minn din li hemm fis-suq hemm barra.
Dr. Muscat għamel referenza ħafifa għar-restawr tal-Foss tal-Belt fejn sejjaħ ġnien Laparelli bħala ġnien stupend.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat għalaq l-intervista bil-liġi li tressqet għall-konsultazzjoni din il-ġimgħa dwar il-kremazzjoni.
Qal li wara l-konsultazzjoni ssir is-sistema u flimkien mal-privat naraw kif din se titħaddem.
Ritratt: Gareth Degiorgio