Il-Gvern Malti ħa d-deċiżjoni li jirrifjuta d-dħul ta’ vapur immexxi mill-grupp Defend Europe. Grupp ta’ attivisti mil-lemin estrem bil-missjoni li tfixkel il-bastimenti umanitarji billi tirritorna refuġjati lejn il-kosta tal-Libja.
Dwar dan ikkumenta l-Prim Ministru Joseph Muscat f’kollegament telefoniku fuq ONE RADIO, li qal li l-Gvern huwa kburi li “iddeċidejna li ma nħallux lill-pajjiżna jkun użat min-nies estremisti, il-politika tagħna tal-immigrazzjoni tiddistingwixxi bejn il-lat umanitarju u l-estremiżmu. Ħafna nies f’pajjiżna jifhmu li pajjiżna ma jistax ikun estremist iżda lanqas li jkun passatur, imma ma jaqblux li pajjiżna jintuża minn estremisti ta’ dan it-tip” qal il-Prim Ministru b’rabta mal-vapur li ried jitrakka f’pajjiżna u li jgħaddi messaġġi ta’ politika estrema.
Il-Prim Ministru qal li fl-aħħar snin fil-fatt din kienet il-politika adottata minn Gvern Laburista dwar l-immigrazzjoni. Bil-ħidma tal-Gvern ma’ taqta’ xejn fil-fatt il-Prim Ministru sostna li n-nies qed jaraw li minkejja li għaddew biss 3 xhur mill-elezzjoni Ġenerali, komplew jidhru aktar ir-rizultati frott id-deċiżjonijiet li ħa u qed jieħu dan il-Gvern. Muscat qal li dawn ir-rizultati mhumiex dawk marbuta mal-ekonomija ta’ pajjiżna, minkejja li fiż-żmien li ġej se nkunu qed naraw aktar investimenti iżda deċiżjonijiet f’oqsma oħra bħal qasam soċjali.
B’referenza għal kap caretaker, Simon Busuttil, il-Prim Ministru qal li min kien negattiv għadu ma ħa l-ebda tagħlima, li l-gideb ma jwasslek għall-imkien, “illum il-PN jinsab fl-inqas livelli storiċi ta’ kull żmien u sal-llum Dr Busuttil irid li ta’ warajh jibqa’ jimxi l-istess, u dan qed jagħmlu filwaqt li qed jifred il-Partit.”
Il-Prim Ministru żied jgħid li dan huwa ħazin għall-pajjiż għax irid ikun hemm Oppożizzjoni li tagħmel iċ-checks & balances.
“L-istess gideb li użaw kontra tiegħi llum qed narawh ikun użat internament”, temm jgħid il-Mexxej tal-Partit Laburista.