“Mhux se nieqfu nkunu t-tarka taż-żgħir, il-vuċi tal-batut u s-saħħa ta’ dawk li jħobbu lil pajjiżna.”
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, waqt Mass Rally f’Kordin organizzat mill-Partit Laburista, f’għeluq il-ħames snin minn meta huwa ġie elett bħala Mexxej Laburista.
Filwaqt li aċċenna għal diversi kisbiet li għamel il-Gvern Laburista – fosthom ir-rata tal-qgħad li kulma jmur dejjem tonqos, l-ekonomija dinamika, pensjonijiet li qed jogħlew u diversi benefiċċji oħra.
Dr Abela qal kif se nkunu qed inħarsu ‘l quddiem maqgħudin, sabiex tkompli l-ħidma b’risq pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem kif kontra kull forza – Gvern Laburista ta drittijiet lil dawk li kienu emarġinati.
Huwa ħares lura wkoll lejn waħda mill-akbar sfidi li affaċċja – dik tal-Covid-19 – u li pajjiżna ħareġ minnha – b’poplu kuraġġjuż u bl-imħabba lejn pajjiżna.
Mhux talli twettqu l-miżuri tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ – imma nqabeż dan fi tliet baġits.
Semma l-investiment fil-ħaddiema – l-akbar żieda fil-paga minima nazzjonali, l-aqwa ftehimiet kollettivi, infermiera u qwiebel, suldati, pulizija, servizz pubbliku, ħaddiema taċ-ċivil u tal-entitajiet tal-Gvern, protezzjoni milli jiġu mfittxija personalment meta jkunu qed jaħdmu għal pajjiżna.