Fi stqarrija l-Università ta’ Malta qalet li m’hu se jkun hemm l-ebda ċaqlieq fl-iskeda tal-eżamijiet fl-Università ta’ Malta minħabba l-Elezzjoni Ġenerali. Wara laqgħa li saret ma’ rappreżentanti tal-KSU, l-Università kienet infurmata li minn stħarriġ li sar minn numru ta’ għaqdiet tal-istudenti, ħareġ biċ-ċar li l-maġġoranza tal-istudenti ma jaqblux li għandu jkun hemm ċaqlieq ta’ dati tal-eżamijiet.
Għalhekk ġie deċiż li l-eżamijiet kollha fl-Università ta’ Malta, fil-Junior College u dawk tal-MATSEC fil-livelli kollha jsiru kif kien ippjanat skont l-iskeda oriġinali.
L-Università għamlet l-arranġamenti neċessarji mal-Kummissjoni Elettorali sabiex dawk l-iskejjel li se jintużaw bħala ċentri tal-eżamijiet tal-MATSEC ma jintużawx bħala postijiet ta’ votazzjoni.
Intant, nhar it-Tnejn 5 ta’ Ġunju, se jkun hemm kontrolli sabiex studenti u ħaddiema tal-Università biss jidħlu bil-karozzi fl-Università. B’hekk it-traffiku jimxi aħjar u ma jkunx hemm dewmien bla bżonn.
Barra minhekk l-Università ħasbet sabiex il-Librerija u faċilitajiet oħra ewlenin jinfetħu fis-7.00am sabiex dawk l-istudenti li jaslu kmieni fuq il-Kampus ikunu moqdija sew.
L- Università ħasbet ukoll biex dawk l-istudenti universitarji li se jkunu impenjati b’mod dirett fil-kampanja elettorali u li għalhekk ma jkunux jistgħu jagħmlu xi eżami li jsir fit-3, 5 u 6 ta’ Ġunju, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dawk l-eżamijiet fis-sessjoni ta’ Settembru.