Nhar it-Tlieta, l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, l-ARUC, se tiftaħ l-applikazzjonijiet għat-twaqqif u l-liċenzjar ta’ għaqdiet li jikkultivaw u jbigħu l-kannabis lill-membri tagħhom skont mudell li ma jħallilhomx profitt.
Iċ-Chairman Eżekuttiv ta din l-Awtorità, Leonid McKay spjega li dan huwa pass importanti minħabba l-fatt li, f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern nieda diversi riformi fil-qasam tal-kannabis, inkluż fil-qasam tal-kannabis mediċinali.
“Fl-aħħar tax-xahar, fit-28 tax-xahar, proprju nkunu qed niftħu l-applikazzjonijiet biex non-profit organisations li huma interessati li jirreġistraw u li japplikaw għal-liċenzja jieħdu l-proċess tal-kultivar u d-distribuzzjoni tal-kannabis mhux mediċinali. ”
Sabiex tiġi stabbilita assoċjazzjoni, din trid tiġi rreġistrata minn minimu ta’ żewġ fundaturi li jridu japplikaw u jiġu liċenzjati mill-Awtorità.
Fost il-kriterji li jridu jiġu ssodisfati, hemm li l-amministraturi ma jistax ikollhom passat kriminali marbut ma’ ħasil ta’ flus u jridu jkunu ilhom residenti f’pajjiżna għal minimu ta’ ħames snin.
Ġie spjegat ukoll li kull assoċjazzjoni trid tkabbar u tikkultiva l-prodott tagħha stess u tul il-proċess kollu trid timxi ma’ standards provduti mill-Awtorità.
Is-Sur McKay spjega li l-assoċjazzjonijiet jistgħu jbigħu biss kannabis li jkabbru huma stess, u li l-Awtorità se tkun responsabbli għall-moniteraġġ u l-infurzar tal-linji gwidi li jridu jimxu magħhom l-assoċjazzjonijiet.
Kull sena l-Awtorità se tirċievi wkoll rapporti finanzjarji awditjati minn kull assoċjazzjoni.
“Min se jkun qiegħed iwaqqaf, huwa importanti li naraw li ma jkollux interessi oħra ħlief tal-harm reduction, ma jkollux interessi ta’ business, u allura qed naraw li ma jkollux interessi li jgib xi niċċa ġdida f’pajjiżna bħalma huwa t-turiżmu, ħaġa li aħna qegħdin nitbiegħdu minnha.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv spjega li l-Awtorità mhux se tittollera riklamar u promozzjoni ta’ kannabis, u se tagħti anke taħriġ lill-persuni ewlenin fl-assoċjazzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-ħsara.
Enfasizza li l-Awtorità mhix tippromwovi l-użu tal-kannabis, imma tara li l-assoċjazzjonijiet ikunu sors ta’ kannabis sigur u regolat.
“Qed nagħmlu deċiżjoni oħra importanti, jew li nimxu fuq id-deċiżjonijiet u t-triq li mxew fuqha industriji bħalma huma l-alkoħol u tabakk, li kkumerċjalizzaw u ippromovew. Aħna qed ngħidu li l-mudell tagħna huwa kompletament differenti. Huwa mudell ibbażat fuq ir-responsabbiltà, li jagħti prijorità l-ewwel u qabel kollox lill-harm reduction, lil persuni li qed jikkunsmaw u mhux business.”
Dan il-mudell ġie mfaħħar ukoll minn Steve Rolles mill-Fondazzjoni Transform Drug Policy tar-Renju Unit, li spjega li r-riskji marbuta mal-użu tal-kannabis se jkunu qed jiġu Indirizzati kif qed tiġi irregolata f’pajjiżna.
Ritratt: G Media