Ħadd m’għandu jkun suġġett għal xi attakk, iktar u iktar meta jkun qed jaġixxi f’isem il-poplu bil-għan li jassigura dak li huwa sewwa u għalhekk il-Kabinett tal-Ministri qed jibgħat sinjal qawwi li mhux se jkun ittollerat tali aġir.
Dan intqal fi stqarrija mill-Gvern u l-Kabinett tal-Ministri, b’reazzjoni għall-allegazzjonijiet mill-iktar serji ppubblikati fl-aħħar sigħat li l-eks Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, kien fil-mira ta’ kampanja maħsuba biex jinħolqu stejjer foloz fil-konfront tiegħu.
Intqal kif il-Prim Ministru Robert Abela dejjem esprima fiduċja ċara f’Mr Fearne tant li kien insista miegħu li ma kellux jirriżenja mill-kariga li kien jokkupa, bil-Kabinett tal-Ministri dejjem appoġġja din il-pożizzjoni.
F’din l-istqarrija ġie nnotat ukoll li b’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet, il-Pulizija kienet diġà kkonfermat li stejjer li xxandru f’midja ta’ pajjiżi oħra fil-konfront ta’ Chris Fearne ma kinux minnhom.
Intqal li fid-dawl ta’ dawn l-aħħar żviluppi, il-Kabinett jappoġġja l-pożizzjoni li ħa l-Prim Ministru, it-Tnejn, meta ddikjara minnufih li għandha ssir investigazzjoni fuq l-allegazzjoni li Chris Fearne kien fil-mira ta’ stejjer foloz.
F’din l-istqarrija ntqal li l-Avukat tal-Istat intalab biex permezz tat-tim legali, lokali u internazzjonali, jittieħdu l-passi kollha meħtieġa fl-arbitraġġ internazzjonali. B’hekk jekk kif allegat, intużaw flus tal-konċessjoni tal-isptarijiet biex jiġu ffabbrikati stejjer, dawn jiżdiedu mat-talbiet li l-Gvern Malti diġà qed jagħmel kontra Steward.
Il-Kabinett tal-Ministri jfakkar ukoll kif bħalissa fil-Qrati Maltin hemm kawża miftuħa mill-Kap tal-Oppożizzjoni kontra l-Avukat tal-Istat, li l-konsegwenza tat-talbiet tagħha hija, fost oħrajn, biex Chris Fearne jkun imfittex personalment.
Il-Kabinett innota wkoll kif l-Oppożizzjoni dejjem kienet lesta tipprova tkisser lill-eks Deputat Prim Ministru, b’mod partikolari mal-mument li tħabbar li Chris Fearne se jkun nominat bħala l-Kummissarju Ewropew ta’ Malta.
Intqal li l-Oppożizzjoni qatt ma nteressaha mill-pożizzjoni ta’ Malta, iżda mill-kapital politiku partiġjan immedjat.
Sadanittant, fi stqarrija l-Partit Laburista wera s-solidarjetà sħiħa ma’ Chris Fearne, waqt li kkundanna dawn l-attakki malizzjużi.
Il-Partit Laburista nnota wkoll l-iprokezija tal-Partit Nazzjonalista li filwaqt li issa qed isostnu l-integrità tiegħu, l-istess nies għażlu li jiftħu kawża separata biex ifittxuh personalment.
Intqal li l-Partit Laburista jimpenja ruħu biex toħroġ il-verità u ssir ġustizzja, waqt li jibqa’ jiddefendi d-drittijiet tal-poplu Malti u Għawdxi tant li jekk kien hemm xi flus li ntużaw minn Steward Healthcare biex issir din il-kampanja ta’ stejjer foloz, il-Gvern kommess li dawk il-flus jiġu rkuprati.
Aqra wkoll: