Fit-tmien grawnds li fihom se jintlagħbu l-logħob tat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar mhux se jinbigħ alkoħol.
Din l-aħbar tasal jumejn biss qabel jibda t-turnew tal-futbol.
Qabel ittieħdet din id-deċiżjoni mill-Fifa, l-alkoħol kien se jinbigħ biss f’żoni partikolari tal-grawnd u dan minkejja li fil-pajjiż, il-bejgħ tal-alkoħol huwa kontrollat b’mod strett għall-aħħar.
Fi stqarrija ntqal li wara diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet tal-pajjiż u l-FIFA, ittieħdet deċiżjonijiet biex il-bejgħ tal-alkoħol ikun konċentrat f’festival u destinazzjonijiet liċenzjati u maħsubin apposta għas-segwaċi.
B’hekk iż-żoni fil-grawnds li fihom kienet se tinbigħ b’mod partikolari l-birra, se jitneħħew għalkollox.
It-Tazza tad-Dinja tibda nhar il-Ħadd li ġej b’logħba bejn l-Ekwador u l-Qatar.