Fi stqarrija l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali għamel referenza għad-dikjarazzjoni ‘Tfal u Migranti bi Protezzjoni Umanitarja Temporanja ’, liema dikjarazzjoni ssostni li l-awtoritajiet Maltin mhux se jibqgħu jġeddu l-istatus magħruf bħala THP. Apparti minn hekk, l-istess dikjarazzjoni ssostni li immigranti li jkunu ħarbu minn sitwazzjoni ta’ taqlib ċivili jew persekuzzjoni għandhom jingħataw protezzjoni.
F’dan ir-rigward il-Ministeru qiegħed jissotometti xi kjarifiki. L-ewwel nett, ta’ min wieħed jgħid li immigranti li jkunu batew persekuzzjoni jew li joriġinaw minn pajjiżi fejn ikun hemm taqlib ċivili ma jingħatawx protezzjoni temporanja, iżda status ta’ Refuġjat jew Protezzjoni Sussidarja hekk kif rikjest mill-liġi ta’ Malta, jew aktar speċifikament l-Att dwar ir-Refuġjati (Kap. 420). F’dan ir-rigward ta’ min wieħed ifakkar li Malta għandha rata ta’ protezzjoni għolja, li hija riżultat kemm tat-tip ta’ applikazzjonijiet li l-awtoritajiet konċernati jirċievu, kif ukoll tal-impenn tagħhom lejn l-obbligi ta’ Malta lejn dawn in-nies.
It-tieni nett, l-istatus magħruf bħala Temporary Humanitarian Protection (THP), li jingħata lil dawk l-applikanti għall-protezzjoni li ma jikkwalifikawx għall-istatus hawn fuq imsemmija, imma li m’għandhomx jiġu ritornati minħabba li a) huma minorenni, b) raġunijiet mediċi, jew ċ) minħabba raġunijiet umanitarji oħra, ma ġiex imneħħi. Anzi, l-uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjati ser jibqa’ jagħti dan l-istatus meta jkun hemm bżonn. Għalhekk l-istqarrija maħruġa mill-Kummissarju għat-tfal hija skorretta kompletament f’dan ir-rigward.
L-unika status li mhux se jibqa’ jingħata huwa dak magħruf bħala Temporary Humanitarian Protection-New, liema status kien qed jingħata lil eks-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li l-applikazzjonijiet tagħhom kienu ġew rifjutati minħabba li l-persuni in kwistjoni ma kinux jikkwalifaw għal protezzjoni, i.e. ma kinux persuni li batew persekuzzjoni jew li joriġinaw minn pajjiżi fejn ikun hemm taqlib ċivili. Ta’ min wieħed jgħid ukoll li dawn il-persuni li kienu ngħataw dan l-istatus ta’ Temporary Humanitarian Protection-New se jingħtaw iċ-ċans jakkwistaw permess ta’ residenza sakemm jirrispettaw il-kundizzjonijiet rikjesti minn Identity Malta u mil-liġijiet relevanti. Barra min hekk, jekk dawn il-persuni jkunu jixtiequ, jistgħu ukoll jirritornaw pajjiżhom permezz tal-iskema tar-Ritorn Volontarju Assistit.
Fl-aħħar nett il-Ministeru jieħu din l-opportunità biex itenni dak li diġà ntqal mill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, jiġifieri li mhemm l-ebda pjan sabiex jiġu deportati tfal minn Malta. L-istorja li kien hemm ċirkolata fil-media f’dan ir-rigward hija infondata.