Dan ġie mħabbar fi stqarrija mill-Ministeru responsabbli mill-Impjiegi u l-Jobsplus rigward permessi ta’ xogħol għal ħaddiema tal-Y plates u food couriers abbażi ta’ reviżjoni estensiva tas-suq tax-xogħol, inkluża l-analiżi tar-reġistri tal-qgħad u l-postijiet battala ta’ min iħaddem.
Fil-fatt, ġie spjegat li skont evalwazzjoni li saret min Jobsplus, pajjiżna għandu biżżejjed ħaddiema tal-Y plates u food couriers. Għalhekk Jobsplus stess, irrakkomandat li jiġu rrifjutati applikazzjonijiet ġodda għal permessi ta’ xogħol, inklużi dawk ta’ individwi li għadhom barra min Malta u dawk li jixtiequ jbiddlu l-impjegatur tagħhom.
L-istqarrija mill-istess Ministeru kompliet tinnota kif din il-miżura ma taffettwax lill-ħaddiema attwali f’dawn is-setturi filwaqt li l-applikazzjonijiet għat-tiġdid ser jkomplu jiġu pproċessati mingħajr interruzzjoni, biex jiġi żgurat li l-impjegati attwali ma jiġux affettwati minn dawn il-miżuri. Dan bil-għan li jkun hawn stabbiltà u l-kontinwità tal-impjiegi għal dawk li diġà għandhom dawn il-pożizzjonijiet.
Intant, il-Ministeru għall-Intern, Sigurtà u Impjiegi, flimkien ma’ Jobsplus, spjega li huwa impenjat li jiżgura li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu f’Malta jkunu protetti minn kull forma ta’ abbuż minn min iħaddimhom. Dan anke hekk kif kull meta jinqalgħu każijiet ta’ abbuż, l-awtoritajiet kompetenti qed jieħdu azzjoni minnufih.
Fil-fatt, il-Ministru Byron Camilleri enfasizza fil-Parlament li dawk l-entitajiet li qegħdin taħt investigazzjoni għall-isfruttament tal-impjegati tagħhom mhux se jitħallew jirreklutaw ħaddiema barranin addizzjonali sakemm dawn l-investigazzjonijiet jitlestew.
Dan ħabbru wkoll, il-Ħamis filgħaxija il-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista li kellu mal-ġurnalist tan-Newsbook, Matthew Xuereb.