11-il raġel li sfaw vittma ta’ abbuż sesswali minn żewġ qassisin f’Dar San Ġuzepp tilfu l-appell għal kumpens minħabba d-danni morali li sofrew.
Dan f’deċiżjoni tal-Qorti tal-appell il-ġimgħa mill-Prim Imħallef u żewġ Imħallfin oħra.
Fis-snin tmenin, 11-il raġel kienu vittma ta’ abbuż sesswali minn żewġ qassisin li kienu qed jieħdu ħsiebhom – dawn kienu Carmelo Pulis u Godwin Scerri li kienu mis-Socjetà Missjunarja ta’ San Pawl.
Fl-2011 il-Qorti Kriminali sabet lill-qassisin ħatja ta’ abbuż sesswali u kkundannathom sitta u ħames snin ħabs rispetivament.
Il-vittmi bdew proċeduri l-qorti sabiex jingħataw kumpens minħabba d-danni li sofrew.
F’April tal-2018 l-Imħallef Mark Chetcuti kien ċaħad it-talba għal kumpens għax l-kaz ġie preskritt.
Il-vittmi appellaw mid-deċizzjoni, izda l-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u mill-Imħallfin Tonio Mallia u Miriam Hayman, ikkonfermat s-sentenza tal-Qorti preċedenti u ċaħdet it-talba għal kumpens għax il-każ kien preskritt.
F’kummenti mat-Times of Malta, wieħed mill-vittmi, Lawrence Grech, qal li huma mhux se jaqtgħu qalbhom u se jevalwaw l-għazliet kollha fosthom li jieħdu l-kaz quddiem il-kostituzzjonali jew quddiem il-Qorti Ewropea.