Meta fil-Parlament bdiet id-diskussjoni fit-Tieni Qari dwar l-emenda fil-Kodiċi Kriminali biex titħares il-mara f’każ ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-tqala, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, għamilha ċara li permezz ta’ dan mhux se jidħol l-abort f’pajjiżna, kuntrarju għall-impressjoni li qed tipprova tagħti l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Din l-emenda għandha l-għan li tkun iċċarata l-pożizzjoni legali tat-tabib kuranti u tal-omm f’ċirkostanzi fejn it-tqala twassal sabiex l-omm tbati minn kumplikazzjoni medika li tkun tista’ tqegħdilha ħajjitha f’riskju jew saħħitha f’periklu gravi.
B’mod ċar, il-Ministru Chris Fearne spjega kif, f’każ ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala, it-tobba jkollhom għażla waħda: dik favur il-ħajja.
“L-għażla li jrid jagħmel tabib f’din l-emenda, hi jsalvax l-omm jew jekk iħallix l-omm u t-tarbija jmutu t-tnejn. Dik biss hija l-għażla li qed nippermettu. Kien hemm min qalilna li b’din l-emenda se niftħu bieb għall-abort. Mhuwiex il-każ. L-abort hu u se jibqa’ illegali.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne
Hawnhekk huwa appella sabiex f’dan kollu, ikun hemm diskussjoni matura minn kulħadd, favur il-protezzjoni tal-mara f’mumenti ta’ periklu għal ħajjitha.
Chris Fearne qal li din l-emenda fil-kodiċi kriminali, hija favur il-ħajja u li se tagħti aktar faċilità lit-tobba ta’ pajjiżna sabiex jagħmlu xogħolhom.
Huwa spjega li, min-naħa tagħhom, il-professjonisti mediċi jridu dejjem, imbagħad, jimxu b’mod etiku u professjonali, hekk kif il-liġijiet eżistenti li jipprojbixxu b’mod assolut l-abort f’pajjiżna se jibqgħu fis-seħħ.
Id-Deputat Prim Ministru kien ċar ukoll meta qal li din l-emenda se tipproteġi wkoll lil dawk in-nisa li jkunu qed ibatu minn mard ta’ saħħa mentali.
“Il-liġi li nagħmlu trid tkun taħseb f’kulħadd, mhux biss min għandu mard komuni, imma wkoll mard rari. Mhux biss min għandu mard fiżiku imma mard mentali. Għax dawn kollha għandhom bżonn il-kura. F’dan il-pajjiż ma nistgħux nibqgħu niddistingwu.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, irrimarkat li dan il-Gvern ma jibżax iwettaq l-ebda riformi favur dawk li jkunu qed ibatu.
“B’li qed nagħmlu llum qed nagħtu protezzjoni lit-tobba: protezzjoni legali, għax nafdaw li jafu meta jkun hemm bżonn dawn l-interventi f’sitwazzjoni biex isalvaw ħajja ta’ mara u dan se jipproteġi lin-nisa, biex, f’każ li jaffaċċjaw esperjenza trawmatika, ma jintilifx ħin prezzjuż għal ħajjithom u l-professjonisti jieħdu deċiżjoni komfortati mil-liġi. Aħna qegħdin hawn biex nindirizzaw realtajiet tal-Maltin u l-Għawdxin, il-mumenti diffiċli li jaffaċċjaw, ħafna drabi fis-silenzju. L-Oppożizzjoni se tibqa’ gallarija. Il-Gvern se jibqa’ hemm għan-nies tiegħu.”
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg
F’isem il-Gvern, indirizzaw il-Kamra tar-Rappreżentanti wkoll, id-deputati Randolph Debattista u Michael Farrugia.
Debattista kkritika lill-Oppożizzjoni li huma favur il-protezzjoni tal-mara bil-kliem biss u min-naħa tiegħu, id-Deputat Michael Farrugia spjega kif din l-emenda taħseb fil-każijiet meta, kaġun ta’ kumplikazzjoni gravi fit-tqala, jekk ma tittiħidx azzjoni f’waqtha jispiċċaw imutu kemm l-omm kif ukoll it-tarbija.