Direttur ta’ kumpanija li hija nkarigata minn barriera fir-Rabat ma nstabx ħati li huwa responsabbli għall-mewt ta’ ħuh wara li fl-elfejn u ħmistax, dan inqaleb b’apparat tal-iskavar.
Carmelo Falzon ta’ tlieta u ħamsin sena minn Ħaż-Żabbar kien tilef ħajtu f’barriera li tinsab fi Triq Santa Katarina wara li nqaleb b’excavator.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili kienu ssejħu fuq il-post biex ibattlu l-ilma li kien hemm fil-barriera imma sfortunatment ir-raġel tilef ħajtu.
B’rabta ma’ dan il-każ, il-Pulizija kienet ressqet il-Qorti lil Paul Falzon, li huwa ħu l-vittma u d-Direttur tat-Tlata Limited.
Huwa kien mixli li kkaġuna l-mewt ta’ ħuh minħabba nuqqas ta’ ħarsien ta’ regolamenti.
Fost ix-xhieda kien kien hemm Charles Micallef, Rappreżentant tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u l-Avukat Mario Buttigieg.
Dan tal-aħħar kellu jagħmel rapport dwar il-kundizzjoni tal-apparat tal-iskavar.
Huwa qal li l-eżami tal-apparat ma setax isir minħabba li dan kien fl-ilma u mwaħħal.
Meta analizzat il-provi li ġew preżentati, il-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li kien hemm nuqqas kbir ta’ dettalji importanti sabiex jiġu ppruvati l-akkużi.
Sostniet li ma saritx investigazzjoni parallela mal-inkjesta.
F’Mejju ta’ sentejn ilu, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kien ordnat biex il-kumpanija tagħti sittin elf ewro f’kumpens lill-familja tal-vittma.
L-Imħallef Lawrence Mintoff, li kien ta d-deċiżjoni ta’ din il-kawża, kien stqarr li kien jinsab konvint li kieku l-kumpanija mxiet mar-regoli tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-inċident kien ikun evitat.