Il-warrani mhux qiegħed hemm biex jidher sabiħ. Qiegħed hemm għaliex għandu rwol importanti fil-mod kif jaħdem il-ġisem.
Meta din il-parti ma taħdimx tajjeb, jista’ jkollok problemi fil-ġenbejn, l-irkoppa u fid-dahar, u dan jikkawża kull forma ta’ uġigħ.
Xjentisti issa ħarġu bl-isem “Dormant Butt Syndrome” – ċioe li jkollok warrani dgħajjef. Jaħsbu saħansittra li hija l-kawża ewlenija ta’ ħafna problemi fil-ġenbejn u l-irkoppa.
It-terapista Chris Kolba mill-Ohio State Univeristy Wexner Medical Center qal li l-warrani joffri appoġġ lill-ġisem kollu u jneħħi l-istress u jassorbi x-xokkijiet li jieħu l-ġisem, speċjalment waqt l-eżerċizzju.
Li jkollok warrani dgħajjef ħafna drabi huwa kawża ta’ nuqqas ta’ eżerċizzju fiżiku u l-pożizzjoni tal-irqad. Esperti jemmnu li meta wieħed jorqod f’pożizzjoni simili tal-fetu fil-ġuf, dan iserraħ partijiet tal-ġisem, iżda jpoġġi oħrajn f’periklu – appuntu, il-warrani.
Ħafna nies jqattgħu ħin twil bilqiegħda x-xogħol u jorqdu b’dan il-mod, allura jemmnu li huma ħafna dawk f’riskju li jkollhom warrani dgħajjef.
Esperti jemmnu li wieħed mis-sintomi li l-warrani jkun dgħajjaf huwa meta dan ikun ċatt. Sabiex wieħed jinduna jekk għandux warrani dgħajjef, għandu jipprova jżomm dik li tissejjaħ ‘contraction’ għal bejn ħames u għaxar sekondi. Jekk dan ikun eżerċizzju diffiċli, jindika li l-warrani huwa dgħajjef u li jinsab f’riskju ta’ kundizzjonijiet oħra.
B’xorti tajba, din tista’ tinbidel. Eżerċizji sempliċi, bħal li tgħafas il-warrani għal bejn għaxar u ħmistax-il sekonda, tgħin biex issaħħaħ dan il-muskolu tant importanti.