Irridu ndaħħlu mentalità li fl-isport mhux qegħdin hemm biex sempliċiment nipparteċipaw iżda rridu nirbħu u niksbu r-riżultati.
Fiċ-ċentru Laburista tal-Marsa, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddedika wkoll parti mid-diskors tiegħu fuq il-qasam sportiv.
Hu u jindirizza attività politika, Joseph Muscat qal li rridu programm ċar li jwassalna għal titjib sostanzjali f’dan il-qasam.
Diġa niksbu suċċess f’diversi oqsma jekk inħarsu lejn il-waterpolo, huwa qasam illi naħseb jista’ jkun ta’ benchmark, t’eżempju lil ħaddieħor. Għandna l-logħob għall-pajjiżi ż-żgħar li ġej minn hawn u ħames snin oħra. Jien naħseb li jrid ikollna programm nazzjonali biex naraw illi mhux biss nipparteċipaw imma kif ħa nseddqu t-titjib u l-kisba tar-riżultati fil-qasam sportiv ukoll f’pajjiżna. Jien nemmen li jista’ jsir.
Il-Prim Ministru qal li rridu nkomplu naħdmu ħalli nnaddfu l-isport mill-korruzzjoni li ta’ spiss tgerrex nies ta’ rieda tajba biex jagħtu sehemhom f’dan il-qasam.
Spjega li biex insaħħu l-isport irridu naħdmu id f’id mal-Federazzjonijiet u filwaqt li nsostnuhom bil-fondi meħtieġa, dan mhux biżejjed.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat mar lil hinn dwar il-qasam sportiv u spjega kif irridu programmi ċari li jwasslu għal suċċess fl-isport.
Programm ċar x’ħa jiġri minn dawn il-flus? X’tip ta’ viżjoni għandek? X’tip ta’ riżultat qed tintrabat illi ġġib jew li tipprova li ġġib? Kif ħa nkunu qed nistabilixxu benchmarks biex neżaminaw dan kollu? Jekk ikollna dawn l-affarijiet kollha, l-flus insibuhom. Is-surplus għalhekk qiegħed ukoll mhux biss għall-oqsma ekonomiċi imma biex inkabbru l-pride, il-pride, il-kburija f’pajjiżna anki permezz tal-isport.