L-Awtorità tax-Xandir ħabbret li fid-dawl tal-aħħar żviluppi relatati mal-Coronavirus mhux permessi iktar udjenzi waqt programmi televiżivi ġewwa l-istudios.
Fi stqarrija l-Awtorità tax-Xandir qalet wkoll li fi programmi fejn ikun hemm il-mistednin, il-produtturi għandhom jaraw li l-parteċipanti u l-preżentaturi jkunu metru ‘l bogħod minn xulxin.
Dan sabiex x-xandir jimxi wkoll mad-direttivi mogħtija mill-awtoritajiet.
L-Awtorità avżat ukoll li f’każijiet fejn ikun hemm programmi li ġew irrekordjati qabel ħarġet din id-Direttiva mid-Dipariment tas-Saħħa, l-istazzjonijiet għandhom jinfurmaw matul il-programm li dan il-programm kien irrekordjat qabel u b’hekk ma tingħatax impressjoni żbaljata lill-pubbliku.
Intant b’referenza għall-konferenzi tal-aħbarijiet biex jaġġornaw lill-pubbliku b’dak kollu li qed jiġri b’rabta mal-Covid-19, l-Awtorità ħeġġet sabiex dawn jixxandru dirett bħala parti mit-trażmissjoni tal-istazzjon biex il-pubbliku jinżamm aġġornat bl-aħħar żviluppi.
Dan filwaqt li jixxandru wkoll l-avviżi uffiċjali ta’ prevenzjoni u n-numri tal-helplines.
Fid-dawl tas-sensittività tas-sitwazzjoni bħalissa l-Awtorità temmet tgħid li l-midja għandha l-obbligu li filwaqt li tinforma u xxandar il-prekawzjonijiet li hemm bżonn, ma tallarmax bla ħtieġa sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ paniku.
Tal-istess ħsieb kien l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin hekk kif dan appella sabiex il-ġurnalisti jikkwotaw dejjem sorsi uffiċċjali u jkunu kawti fit-titli u l-aġġettivi li jużaw sabiex ma jinħoloqx allarm żejjed.
Fi żmien fejn bħalissa jiddominaw aħbarijiet foloz u bosta spekulazzjonijiet, l-Istitut qal li l-midja għandha tkun punt ta’ referenza u ta’ fiduċja għall-pubbliku.